Din l-istorja m’hix dwar xi żjara li għamel Chris Cardona f’Velbert. Għalkemm, m’għandniex xi ngħidu, Alla biss jaf fejn reħielha.

Siefer biex isegwi partita futbol flimkien ma’ sieħbu tal-kabinett Chris Agius, li jsibuħ bħala l-Wefi, u ma’ oħrajn. Magħhom kien hemm Silvan u Matthew Fenech, kuġini ta’ Yorgen Fenech tal-famuża 17 Black u wlied is-sidien tal-imperu ta’ Tumas. Dawn kienu ssemmew meta kienu silfu appartament f’Portomaso lil Chris Cardona li dak iż-żmien kien se jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu minħabba l-inkwiet li kellu ma’ xi nisa. U meta Daphne Caruana Galizia kienet kixfitlu l-borom fuq l-arranġament li kellu dwar l-appartment,  Chris Cardona ħareġ ixejjer kopja ta’ ċekk biex speċi ta’ jserrħilna rasna li kien ħallas il-kera kollha f’daqqa hekk kif irritorna ċ-ċwievet lis-sidien. U mbagħad għadda biex iddikjara l-istess ammont li suppost ħallas bħala dħul minn kirja. Trasparenza tat-toqba t’għajni.

Insomma, naħseb li ħadd minnhom m’hu se jieħu għalih b’dan li qed nikteb u x’aktarx mhux se jiddejqu jekk nirreferi għalihom bħala ħbieb qaqoċċa.

Ftit ġimgħat biss wara li konna skoprejna li ta’ Tumas kienu ħolqu kumpannija fid-Dubaj b’kont bankarju identifikat fid-dokumenti ta’ Mossack Fonseca u li kienu ntrabtu li jħallsu lil Konrad Mizzi – sieħeb Chris Cardona u Chris Agius – l-ammont ta’ $5,000 kull jum, dawn iż-żewġ membri tal-kabinett ma jiddejqu xejn jippożaw għar-ritratt mal-ulied ta’ Tumas: tbissima, daħka, xejn m’hu xejn u kollox igħaddi. Dawn ir-ritratti m’huma xejn ħlief prova ċara tal-indifferenza patoloġika amorali ddoqq l-iskotti li għandhom dawn in-nies.

Agħtu ħarsa lejn dan ir-ritratt tal-Instagram ta’ Owen Bonnici ma’ dik li kienet il-maħbuba tiegħu u li nġibed 13 il-jum wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan kien fid-29 ta’ Ottubru 2017. Matul dan il-perijodu ta’ żmien sitt xhur wara, waqa’ l-gvern tas-Slovakkja minħabba l-qtil ta’ ġurnalist f’dak il-pajjiż.

U hawn, il-Ministru tal-Ġustizzja kien qed iċarrat ħalqu jgawdi “Happy Sunday”. Dawn hekk huma magħmulin.