Chris Fearne keċċieħ. Imbagħad Joseph Muscat qal li qed jagħmel xogħol siewi u li ma kienx tkeċċa iżda kien ingħata transfer.
Illum fil-Parlament Claudette Buttigieg lil tliet Ministri staqsiethom jekk Neville Gafà jaħdimx ma’ Chris Fearne, ma’ Carmelo Abela jew ma’ Joseph Muscat. Ilkoll wieġbu fin-negattiv.
Għalkemm jista’ jkollna fehma differenti minn dik li għandu Joseph Muscat (i) dwar kemm kienet f’lokha l-laqgħa li kellu Gafà ma’ gwerrier waqt is-safra mhux awtorizzata li għamel fil-Libja; (ii) dwar kemm Gafà gideb meta stqarr li mar il-Libja għal btala meta rriżulta li għamel użu minn karrozza tal-ambaxxata u kien akkumpanjat minn membru tas-servizz sigriet; u (iii) dwar kemm gideb meta lill-Ministri ta’ gvern ieħor qalilhom li kien mibgħut speċjali tal-gvern: mhux xieraq li għallinqas jiġu stabiliti l-fatti?
Jekk verament Neville Gafà ġie trasferit, minn fejn ġie trasferit? Fejn intbagħat? Taħt min jaqa’? Min hemm taħtu?
Xogħolu f’hiex jikkonsisti? Ta’ xiex qed jitħallas?
Hawn qed nitkellmu dwar uffiċjal tal-gvern u din il-kummiedja qed iħallas għaliha l-poplu Malti.
Jeħtieġ li nsiru nafu x’hemm wara dan it-taħwid kollu. Għandna kull dritt inkunu nafu fejn qed jaħdem dan l-imbierek.