F’Jum ir-Repubblika ntennu x-xewqa tagħna li naraw riformi mhux biss politiċi u istituzzjonali, iżda wkoll kulturali fejn iċ-ċittadini jkunu konxji mid-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom ta’ ċitaddini responsabbli.
Repubblika hi mħassba b’polarizzazzjoni politika estrema, distakk bejn il-ġenerazzjonijiet, politika ridotta għal transazzjoni, korruzzjoni istituzzjonalizzata, informazzjoni kkontrollata mill-gvern u kultura ta’ biża.
Iżda Repubblika hi impenjata li tipprovdi informazzjoni oġġettiva, kompetenti u kritika; li tħajjar li jsir eżami tal-prattiċi difettużi fid-demokrazija tagħna u li tagħti kontribut għat-trasformazzjoni kulturali li nixtiequ għal pajjiżna.
Repubblika ma taqbilx li l-fatt li jivvutaw ħafna nies fl-elezzjoni hu xi prova li għandna demokrazija tassew parteċipattiva. U Repubblika temmen li trid tintemm is-separazzjoni bejn l-etika u l-ħajja pubblika.
Repubblika temmen li għandu jkollna viżjoni ġdida għal edukazzjoni li ssawwar ċittadini responsabbli.
Fil-fehma tagħna n-nuqqas ta’ rabja għat-tħassir tal-ambjent mhux ġej biss mir-rgħiba. Ġej ukoll minn nuqqas t’apprezzament ta’ x’inhu sabiħ u x’inhu ikrah: nuqqas ta’ sens t’estetika fil-kultura tagħna.
Bl-istess mod m’hix biss kultura korrotta li twassal biex ftit wisq huma rrabbjati għall-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-perverżjoni tax-xiri pubbliku. Dan ġej ukoll mill-fatt li mhux kulħadd japprezza kif jaħdmu l-banek, kif jimxu l-flus u x’jiswa u ma jiswiex fid-dinja kummerċjali u d-dinja politika.
Bl-istess mod mhix biss minħabba li tlifna l-valuri li r-rabja għal politiċi li jinqabdu jigdbu hi daqshekk fjakka. Ġejja wkoll minn nuqqas t’apprezzament ta’ x’inhi l-verita’ u li indipendent minn dak li tixtieq li jkunu, il-fatti jibqgħu fatti.
Nixtiequ Repubblika ta’ rġiel u nisa universali: li jafu biż-żejjed ekonomija biex jifhmu x’jaħdem u x’ma jaħdimx; li jafu biż-żejjed xjenza biex jitgħallmu jiddeterminaw x’inhu veru u x’mhux; li jafu biż-żejjed l-umanistika’ biex jitgħallmu d-differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.
F’Jum ir-Repubblika niddikjaraw it-tama tagħna għal Repubblika ġdida fejn iċ-ċittadini ma jiddependux fuq il-partit politiku tagħhom biex ikunu infurmati u biex jagħmlu ġudizzju ta’ x’inhu sew u x’mhux sew. Fejn l-informazzjoni tinfirex b’liberta’ u mhux kontrollata minn stazzjonijiet televiżivi propjeta’ jew f’kontroll tal-partiti. U fejn l-aspettattiva taċ-ċittadini ġġiegħel l-istituzzjonijiet kollha li support iservuhom jaġixxu fl-interess tal-pajjiż kollu, mhux biss tal-politiċi li jaħtfuħ.