Jidher li jeżistu r-raġunijiet il-għala dan kollu qed iseħħ matul il-festi tal-Milied.

Waqt intervista kontrollata fuq programm speċjali tal-Milied, Adrian Delia tkellem il-proċeduri ta’ separazzjoni li jinsab għaddej minnhom ma’ martu għaliex ħass li din l-intervista setgħet trabbaħlu s-simpatija tal-votanti.

F’okkażjonijiet u f’laqgħat politiċi oħrajn, huwa irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet dwar il-proċeduri tas-separazzjoni. Kulmeta kien hemm iċ-ċans li setgħet titfaċċa xi mistoqsija, ir-reazzjoni tiegħu kienet dejjem waħda uniformi: ‘dawn huma kwistjonijiet ta’ natura personali u nitlobkom tirrispettaw il-privatezza tiegħi’.

Iżda f’ambjent kontrollat b’folla dejjem lesta biex iċċapċaplu, wieġeb għal mistoqsijiet li huwa ppermetta li jsiru minn qabel u, biex jipprova jġiegħel lin-nies titħassru, ma ħasibhiex darbtejn biex isemmi l-proċeduri tas-separazzjoni u s-solitudni li ser jiffaċċja matul dan il-Milied.

Addio dawk ir-ritratti kollha li kien xandar matul il-kampanja għat-tmexxija tal-PN fejn jidher jitbissem mal-membri l-oħra tal-familja tiegħu biex jurina kemm hu raġel tal-familja u li għalhekk kien eliġibbli biex isir Kap tal-Partit Nazzjonalista u, mal-medda taż-żmien, tal-pajjiż.

Dan m’huwa xejn ħlief l-użu tal-familja – fil-maltemp u fil-bnazzi – għal finijiet politiċi.

Il-pass li ħa fil-Qorti, 11-il-ġimgħa wara li telaq mid-dar matrimonjali, seħħ fi żmien il-Milied.

Wara 11 il-ġimgħa li kien ilu jgħix bogħod minn uliedu, Adrian Delia ippreżenta rikors urġenti f’lejlet il-Milied u talab lill-Qorti tnaqqas it-termini normali għal każijiet bħal dawn sabiex jassigura li jkun hemm tweġiba minn naħa ta’ martu qabel il-Milied.

Kwistjoni matrimonjali tabilħaqq hi kwistjoni privata. U d-dettalji ta’ din il-kwistjoni m’huma affari ta’ ħadd.

Ħadd m’għandu għalfejn isir jaf ir-raġuni għaliex politiku daħal il-Qorti u għaliex dan ma jistax jiftiehem ma’ martu dwar kif se jaqsmu ġidhom.

Il-bieraħ Nickie Vella de Fremeaux wieġbet għar-rikors urġenti ta’ Adrian Delia u l-kontenut tar-risposta ġuramentata tagħha huwa tabilħaqq inkwetanti. Adrian Delia jaf sew is-serjetà tar-risposta ta’ martu.

Tabilħaqq wieħed għandu dejjem jikkunsidra l-istadju meta l-interess pubbliku dwar il-ħajja privata tal-politiċi jibda’ jegħleb dak tal-kurżita’ tan-nies.