F’intervista li saritlu nhar il-Ġimgħa waqt il-programm Xarabank, Adrian Delia wieġeb għal mistoqsijiet ta’ Peppi Azzopardi dwar il-proċeduri ta’ separazzjoni minn martu li jinsab għaddej minnhom u spjega f’dan il-Milied iż-żmien li qed jagħmel bogħod mill-familja huwa ta’ niket kbir għalih.

Meta kellem lil The Sunday Times of Malta, Adrian Delia, filwaqt li talab biex ma jsirulux mistoqsijiet dwar il-fatt li l-proċeduri ta’ separazzjoni issa għaddew għal fażi litiġjuża fil-qorti, talab ukoll biex tiġi rispettata l-privatezza tiegħu.

Dan kollu qalu minkejja l-fatt li, jumejn qabel, għoġbu jwieġeb għal mistoqsijiet waqt intervista fuq Xarabank li fiha “fetaħ qalbu” dwar kwistjonijiet personali. Din l-intervista seħħet fl-istess ġimgħa li fiha martu għamlet talba formali fil-qorti għas-separazzjoni wara li kienu skadew 9 ġimgħat minn dakinhar li kienet talbitu għal separazzjoni bi ftehim u barra ‘l qorti.

Waqt l-intervista, Peppi Azzopardi stqarr li kien talab il-permess ta’ Adrian Delia bil-quddiem biex jagħmillu mistoqsijiet dwar il-proċeduri ta’ separazzjoni minn martu.

Ninsab infurmat li, wara li xxandret l-intervista, Nickie Vella de Fremeaux ipprotestat ma’ Peppi Azzopardi u sostniet li fl-intervista żewġha nġustament tpinġa bħallikieku kien xi vittma. Qalet ukoll li ħassitha mweġġa’ għall-fatt li hi ma ngħatatx l-opportunita’ li ssemma’ l-qanpiena tagħha u li żewġha, waqt li kien qed jitħaddet pubblikament dwar uliedu, ma qalx il-verita’ dwar iż-żwieġ tagħhom.

Lil Peppi Azzopardi qaltlu li żewġha kien telaq mid-dar matrimonjali 11 il-ġimgħa ilu u li hi kienet kitbitlu ġimgħatejn qabel permezz tal-avukat tagħha biex tgħidlu li ż-żwieġ tagħhom kien spiċċa.

Nhar lejliet il-Milied, Nickie Vella de Fremeaux irċeviet kopja ta’ rikors urġenti li ppreżentaw fil-Qorti dakinhar stess l-avukati ta’ Adrian Delia li fiha talbu lill-qorti tordna li jkollu aċċess għal uliedu.

Adrian Delia talab lill-Qorti tiftaħ b’urġenza u talab li jitnaqqsu t-termini normali li soltu jkollhom każijiet bħal dawn. Fil-fatt il-Qorti ordnat lil martu biex twieġeb għar-rikors fi żmien tnax il-siegħa, jiġifieri sa tmiem lejlet il-Milied.

Hi sinjifikanti din it-talba għal smiegħ bl-urġenza peress li għal 11 il-ġimgħa sħaħ Adrian Delia żamm il-bogħod mid-dar matrimonjali u, ħlief għal darba meta waħda minn uliedu talbet li tarah, skont martu huwa qatt ma talab li jiltaqa’ ma’ uliedu.

F’rikors li ppreżenta l-bieraħ, l-avukat ta’ Adrian Delia jistqarr hekk: “kien hemm okkażjoni waħda li fiha bintu l-kbira wriet ix-xewqa li tiltaqa’ ma’ missierha u din il-laqgħa fil-fatt seħħet”.