Xi ftit jew wisq naqbel ma’ dan l-awtur. Ħlief li naħseb li nnies kollha f’dan irritratt għandhom irresponsabbilta‘ li tathom elezzjoni biex jaġixxu. In-nies għandha raġun: Adrian Delia rebaħ postu b’elezzjoni. Daqs tant ieħor Robert Arrigo, David Agius, Clyde Puli, Mark Anthony Sammut, Kristy Debono, David Stellini, Roselyn Borg Knight u David Camilleri. Parti mix-xogħol li ġew eletti għalih hu li jerfgħu meta jinħoloq vojt, jew meta hekk messu jiġri.

The people who have the duty to protect the Nationalist Party

Meta fl-1974 il-Partit Nazzjonalista emenda l-istatut tiegħu, dan kien sar bl-iskop speċifiku li tinfirex is-setgħa fil-partit b’mod uwsa’ fost mexxejja oħra tal-partit. Din ma kienet xejn ħlief reazzjoni għas-setgħa indiskussa li Borg Olivier kellu fil-partit fis-snin sittin u sa kmieni fis-snin sebgħin.

Skond l-istatut l-antik, il-mexxej tal-partit kien il-president tal-organi kollha tal-partit. L-emendi tal-1974 bidlu dan kollu u minn dakinhar ‘l hawn il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu Segretarju Ġenerali b’setgħat wiesgħin u tliet organi presjeduti minn tliet presidenti differenti: il-Kunsill Ġenerali li fil-preżent huwa presejedut minn Kristy Debono, il-Kumitat Eżekuttiv immexxi minn Mark Anthony Sammut u l-Kunsill Amministrattiv presjedut minn David Stellini.

Bħalma jista’ jifhem kull minn studja x-xjenza politika, fl-1974 il-PN għażel mudell ta’ tmexxija simili għal dak li fuqu jinsabu mfassla partiti politiċi madwar l-Ewropa. Il-mudell l-antik kien jikkonċentra żżejjed fuq il-mexxej, simili għal kif inhu mfassal il-Partit Konservattiv fir-Renju Unit. Nieħdu eżempju: jiġi elett mexxej ġdid u dan jingħata s-setgħa li jagħżel hu l-uffiċjali tal-partit. Il-mudell l-ieħor huwa aktar kontinentali u bilanċjat: il-mexxej tal-partit huwa primus inter pares u l-organi qegħdin hemm mhux biss biex il-partit ma jitwaħħadx iżżejjed mal-mexxej iżda biex il-politika tkun tista’ titfassal kollettivament bil-għan li tkun rappreżentattiva tal-partit kollu. Dan huwa appuntu l-iskop ewlieni tal-istatut preżenti tal-PN.

Issa li d-disgwid bejn il-Kap tal-PN u martu ħareġ bil-beraħ, l-organi tal-partit jeħtieġ li jiddefendu lill-PN mill-ħsara kbira li t-tmexxija ta’ Adrian Delia diġà kkawżat lill-partit u mill-ħsara li tista’ tkompli ssir jekk – b’sodisfazzjoni kbir għal tal-Labour – l-allegazzjonijiet mill-aktar gravi li tfaċċaw fil-media soċjali jitfaċċaw ukoll fl-istampa.

Id-diżastru li Adrian Delia u sħabu ġabu fil-PN jidher ċar min-nagħsa ħelwa li jinsabu fiha l-Kunsill Ġenerali u l-Kumitat Eżekuttiv u dak Amministrattiv. Mark Anthony Sammut, Kristy Debono u David Stellini għandhom responsabbiltajiet enormi fil-konfront tal-membri tal-PN u fil-konfront tal-votanti. Dawn jeħtieġ li jaġixxu fl-interess tal-partit u mhux fl-interess ta’ Adrian Delia. Dawn imexxu organi li suppost diġa’ tlaqqgħu sabiex jiġi diskuss il-pass li jmiss għal partit li jinsab immexxi minn persuna li tinsab imdaħħla f’kawża feroċi ta’ separazzjoni li hu stess irrendieha aktar feroċi fuq Xarabank u fil-Qorti lejliet il-Milied.

Ħażin jagħmel min iqis lil Adrian Delia bħallikieku kien xi ċittadin privat. M’huwiex ċittadin privat. Jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u jaspira li jsir Prim Ministru. Jekk dan m’għandux il-ħila li jinfired bil-kwiet minn ma’ martu, kif qatt jista’ jaspira li jmexxi partit politiku ewlieni f’Malta u, eventwalment, lill-pajjiż? Għall-politiċi, lanqas kwistjonijiet dwar saħħa m’huma kwistjonijiet privati aħseb u ara l-fatt li Adrian Delia għamel falza stikka f’proċess ta’ separazzjoni li diġa’ huwa mimli bir-riskji għall-partit li jmexxi.

Is-Sinjuri Sammut, Debono u Stellini jeħtieġ iqumu mir-raqda. Il-membri tal-PN lill-organi tal-partit jridu jarawhom jaħdmu kif suppost u b’mod li jkunu f’pożizzjoni li jaqbdu l-barri minn qrunu fil-konfront tal-kriżi li ġab miegħu il-proċess ta’ separazzjoni tal-mexxej. Il-PN b’hekk biss ikun jista’ juri lil kulħadd li, mal-medda taż-żmien, ser ikollu l-ħila li jsib tarf ta’ probelma ħafna akbar: il-kriminalita’ organizzata li sabet bejta komda f’Kastilja.