Nhar il-Milied filgħaxija int qrajt storja fuq dan il-blog li lejlet il-Milied Adrian Delia ppreżenta rikors urġenti fil-Qorti fejn talab li jingħata aċċess għal uliedu u dan wara matul 11 il-ġimgħa sħaħ kien ra biss lil waħda minn uliedu meta din kienet talbet li tarah.

Fuq il-jumejn ta’ wara int qrajt fuq dan il-blog li fir-risposta tagħha għar-rikors mart Adrian Delia għamlet allegazzjonijiet li jien sejjaħtilhom “gravi” u li huma ta’ tali portata li jirrendu l-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni bħala waħda li mhix tenibbli.

Fl-aħħar post li ktibt dwar is-suġġett, jien spjegajt ir-raġunijiet għaliex ħassejt li ma kellix inxandar id-dettalji tal-allegazzjonijiet iżda ktibt ukoll li dawn id-dettalji diġà kienu qed jitferrxu permezz tal-WhatsApp.

Jekk dan il-blog issegwuh mill-Facebook tindunaw li dawn il-posts qed jiġu kritikati bl-aħrax u b’ħafna tgħajjir u nsulti.

U jekk l-aħbarijiet int taqrahom permezz ta’ xi mezz ieħor tax-xandir, sa dalgħodu ma kont issir taf xejn dwar dak li kien qed jiġri sakemm Lovin Malta tkellmet dwar post li xandar il-bieraħ dak li kien kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew Jonathan Shaw.

Dan kien minn tal-ewwel li kiteb bil-miftuħ li l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Adrian Delia kienu dwar vjolenza domestika u vjolenza fuq it-tfal.

Bosta kienu dawk li wieġbu b’mod feroċi u ko-ordinat għal dak li kiteb Jonathan Shaw fil-post tiegħu.

Żewġ eżempji huma biżżejjed biex tkunu tistgħu tifhmu. F’radda ta’ salib, it-trolls tal-PN b’mod ko-ordinat bdew isejjħu l-allegazzjonijiet ta’ Nickie Vella de Fremaux bħala “foloz”

Dawn kitbu li kellhom informazzjoni ġejja minn għejjun li huma ta’ min jorbot fuqhom. Ma nistax nifhem kemm wieħed jista’ jorbot fuq informazzjoni dwar dak li suppost kien qed jiġri bejn erba’ ħitan ta’ dar. Għax il-verita’ hi li min igħix f’dik id-dar biss jista’ jgħid fiċ-ċert humiex minnhom jew le l-allegazzjonijiet ta’ Nickie Vella de Fremeaux.

Wara li sa dalgħodu kienu biss tal-Lovin Malta li xandru storja dwar in-natura tal-allegazzjonijiet, tal-Occupy Justice xandru stqarrija li fiha talbu r-riżenja tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Minn hemm ‘il quddiem, il-ġurnali – li baqgħu siekta kemm kont ilni li ktibt il-post tiegħi f’nhar il-Milied – bdew ixandru stejjer dwar dak li kien seħħ.

Xtaqt nirrikapitola dak li seħħ f’dawn l-aħħar jiem qabel ma’ ngħaddi għas-suġġett ta’ dan il-post: il-mod kif ġiet rappurtata l-istorja llum.

Jekk illum int ksibt informazzjoni dwar l-istorja wara li qrajt x’kellhom x’igħidu l-MaltaToday jew il-Malta Independent, kont issib li dawn xandru ċaħda tal-allegazzjonijiet li għamlet Nickie Vella de Fremeaux. Jien m’jinix xi ġurnalist ġenju b’esperjenza kbira. Ġaladarba jien kont naf bid-dettalji tal-allegazzjonijiet li għamlet Nickie Vella de Fremeaux f’nhar il-Milied, il-mezzi tax-xandir l-oħrajn kienu jafu bihom ukoll. Iżda dawn lanqas biss xandru l-aħbar li hi kienet għamlet ċerti allegazzjonijiet.

Iżda llum dawn ilkoll xandru storja fis-sens li l-Qorti ċaħdet l-allegazzjonijiet li għamlet.

Il-verita’ hi li l-Qorti m’għamlet xejn minn dan kollu.

MaltaToday: “a court of law turned down a series of allegations filed by the estranged spouse of Opposition leader Adrian Delia.”

The Malta Independent: “request by Vella de Fremeaux for Delia not to see his children (was) turned down by (the) court”.

Dan ma kien xejn ħlief ix-xandir ta’ aħbar falza. Ippermettuli nispjega ftit.

Id-digriet tal-Qorti jgħid hekk: “Il-Qorti, wara li semgħet lill-partijiet u lill-avukati tagħhom, tordna li jingħata aċċess għall-ulied lill-missier (tliet darbiet fil-ġimgħa). Dan l-aċċess għandu jseħħ fid-dar tal-ġenituri tal-mara. Il-Qorti tiddikjara li din għandha tkun il-modalita’ tal-aċċess f’każ li l-partijiet ma jiftehmux dwar il-ħinijiet ta’ aċċess għat-tfal li jkun konvenjenti għalihom it-tnejn”.

Semmejt “tliet darbiet fil-ġimgħa” għax ma jidhirlix li għandi noqgħod nidħol fid-dettalji tal-ħinijiet u ġranet tal-aċċess ordnati mill-Qorti. Lil Nickie Vella de Fremeaux l-Qorti tatha d-diskrezzjoni effettiva dwar meta u kemm tkun tista’ tafda lil uliedha weħidhom ma’ missierhom. Din hi l-verita’ u dak li xxandar fil-ġurnali m’hu xejn ħlief gidba.

Barra minn hekk, mhux minnu li Nickie Vella de Fremeaux talbet lill-Qorti biex iċċaħħad l-aċċess għat-tfal lil Adrian Delia. Tant dan mhux minnu li fir-risposta ġuramentata tagħha hi stess issuġġeriet li jkun hemm is-superviżjoni tal-ġenituri tagħha.

Imma dan kollu għandna għalfejn insiru nafuh? Din m’hix kwistjoni privata?

Hekk hu. M’għandniex għalfejn inkunu nafu għax tabilħaqq hi kwistjoni privata.

Din appuntu kienet ir-raġuni li sbilt jien u naqra l-istejjer mimlijin qerq li xxandru llum.

Iżda jeħtieġ ukoll naraw x’inhu jiġri minn taħt biex nintebħu bil-problema li hemm. U hawn m’jinix nirreferi għaż-żwieġ ta’ Adrian Delia: dettalji dwar dan iż-żwieġ la naf u lanqas irrid inkun naf għax m’hi affari ta’ ħadd.

Madankollu xieraq li nitkellem dwar dak li seħħ illum fil-mezzi tax-xandir. Illum dawk ta’ madwar Adrian Delia ċemplu lil tal-MaltaToday u lil tal-Malta Independent u lil dawn għaddewlhom l-interpretazzjoni tagħhom – interpretazzjoni skorretta u qarrieqa – dwar dak li suppost kien seħħ.

Biex xandru l-istorja kif fil-fatt xandruha, dawn il-ġurnali ma setax kellhom f’idejhom kopja tad-digriet tal-Qorti u dawn qagħdu biss fuq l-informazzjoni li ġiet mgħoddija lilhom.

Mhux probabbli li “l-għejjun” li ffabrikaw storja falza kienu ser jagħtu kopja tad-digriet tal-Qorti lil dawn il-ġurnali. X’aktarx raw li fid-digriet tagħha l-Qorti ordnat lil Adrian Delia jħallas is-somma ta’ €2750 fix-xahar bħala manteniment lil martu, u dan apparti li jkollu jħallas l-ispejjeż tal-edukazzjoni privata tal-ħames ulied u spejjeż mediċi. Ġurnalista tal-affari tiegħu jkollu kull ġustifikazzjoni li jistaqsi kif Adrian Delia se jirnexxielu jobdi d-digriet tal-Qorti ġaladarba ġie ordnat iħallas aktar minn dak li jaqla’ mill-kariga li jinsab iggranfat magħha.

Dawn il-ġurnali qed ixejjru l-bandiera ta’ Adrian Delia. Qed iżommu miegħu minkejja l-fatt li għamlu sforz biex jiġġustifikaw is-skiet twil tagħhom għax dehrilhom li kellhom jirrepetu l-qerq li din hi biss kwistjoni privata.

U allura xandru gidba li x’aktarx għada se tidher fil-ġurnali.

Araw ftit il-mod kif Adrian Delia temm il-ġurnata tiegħu u l-mod kif ġie rappurata fil-mezzi tax-xandir tal-PN.

Hawn qal li se jirrispetta l-ftehim li sar fil-Qorti biex ma jsirux kummenti fil-pubbliku dwar is-separazzjoni bil-għan li jitħarsu uliedu. Iżda fl-istess nifs jirreferi għal “allegazzjonijiet malizzjużi li qed jixxandru fil-media soċjali”

M’għandniex xi ngħidu, meta kiteb din is-sentenza kien jaf ben tajjeb li kien qiegħed jikser l-impenn tiegħu stess. L-“allegazzjonijiet malizzjużi li xxandru fil-media soċjali” huma l-kopji tas-sottomissjonijiet li għamlet martu fil-Qorti. U fil-pubbliku jgħid li dawn huma “malizzjużi” u b’hekk kiser il-ftehim li sar fil-Qorti u pubblikament jirreferi għall-allegazzjonijiet li għamlet martu bħala “malizzjużi”.

Adrian Delia jinsab armat aktar minn martu: għandu stazzjon tat-televiżjoni biex jinqeda’ bih kif u meta jrid. Għandu l-uffiċjali tal-partit li temgħu stejjer foloz lill-edituri tal-ġurnali. Għandu armata sħiħa ta’ trolls ifferoċjati li qed itihom tal-qamar fuq il-Facebook. U għandu wkoll bħala portavuċi ġdid tat-tmexxija tal-PN lil Robert Musumeci.

Imm tafu l-bużillis x’inhu? Dawn kollha fil-fatt m’humiex tiegħu.

Hawn hu l-qofol ta’ kollox. Jien għaddejt minn divorzju ma’ dik li kienet marti iżda b’daqshekk ma sirtx espert. Iżda nista’ nitkellem fuq żewġ affarjiet li suppost jafhom kulħadd.

L-ewwel: ebda Qorti m’hi se tiddieċiedi fil-perijodu bejn lejlet il-Milied u l-għada tal-Milied għandhiex toqgħod fuq ix-xhieda ta’ waħda mill-partijiet f’kawża ta’ separazzjoni li fiha qed jiġi allegat li l-parti l-oħra qed issawwat lilha u lil uliedha. Hija ħaġa tal-iskantament li jkun hemm ġurnalisti li jibilgħu storja falza u qarrieqa minn fuq it-telefon mingħand uffiċjal tal-PN. Possibbli dawn ħallew min ibellgħalhom l-idea li dawn l-allegazzjonijiet gravi seta’ jkun hemm deċiżjoni dwar jekk humiex minnhom fi żmien 30 siegħa biss?

It-tieni: sentenzi dwar separazzjonijiet u dwar kustodja tat-tfal ma jiġux imsejsa fuq il-ħtija ta’ xi parti iżda biss fuq x’inhu l-aħjar interess tal-ulied.

Iridu jgħaddu l-ġimgħat u x-xhur qabel jiġi stabilit x’inhu l-aħjar interess tal-ulied u ħadd ħlief dawk li huma mdaħħlin fil-kawża m’għandhom il-ħila anki li jesprimi fehmithom dwar dan. Irrispettivament jekk Nickie Vella de Fremaux jirnexxihliex jew le tipprova fil-Qorti l-allegazzjonijiet li għamlet, huwa biss ġenn li wieħed joqgħod jispekula hix tigdeb jew le. Iżda jeħtieġ niftakru li b’dan il-ġenn kollu Adrian Delia jkun qed jaqdi l-interessi tiegħu: jiġifieri l-interess li politikament iżomm fil-wiċċ.

Fil-frattemp biex jiddefendi ruħu f’kwistjoni li insista kemm il-darba li hi kwistjoni privata, Adrian Delia qed jagħmel użu sħiħ mill-makkinarju kollu tal-partit. Qed jagħmel stqarrijiet fuq it-televiżjoni tal-partit. Qed iqabbad lin-nies tiegħu biex jagħmlu t-telefonati. U qed jagħti struzzjonijiet lit-trolls.

Qegħdin taraw fuq xiex jinsab mitluf il-PN? L-Oppożizzjoni qed tikkonċentra biss fuq is-separazzjoni ta’ Adrian Delia u dwar kif se xxejjen l-istejjer dwar is-swat lil martu u lil uliedu.

Tafu kemm ta’ spiss ikolli appelli minn trolls biex nappoġġja lill-Kap u biex niġġieldu lil tal-Labour. Iżda dawn mhux hekk qed jagħmlu tafux. Dawk li llum ħarġu t-tarka biex jiddefendu lill-Kap ma kinux qed iċemplu lill-edituri tal-ġurnali biex igħaddulhom stejjer dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u Joseph Muscat.

Kienu qed iċemplu biex jisparaw fuq għadu li huwa bil-wisq aktar faċli: Nickie Vella de Fremeaux.

Nickie Vella de Fremeaux m’hix partit politiku. La għandha l-mezzi, la għandha l-għodda u lanqas l-inklinazzjoni li tkellem lill-edituri biex iddoqqilhom il-qanpiena tagħha kif kienu jagħmlu tal-Labour li kieku kienu fil-mira ta’ attakk kontrihom.

U minflok, l-edituri (u l-qarrejja tal-media soċjali) jibilgħu xniegħat u aħbarijiet foloz. Jibilgħuha “li hi m’aħniex”. U li kulħadd soltu jigdeb f’kawżi ta’ separazzjoni.

Jien ma nafx Nickie hix qed tigdeb. Ma nafx jekk hix qed teżaġera. Il-videos u r-recordings li hemm bħalissa fil-media soċjali ma jinteressawnix għaliex jien m’għandix il-ħila li ninterpretahom u, fl-aħħar mill-aħħar, m’hix affari tiegħi.

Jien kont ħsibt li, f’dawn l-aħħar snin, konna tgħallimna li n-nisa kienu batew iżżejjed u li għandna nemmnuhom meta jsostnu li sofrew minħabba l-aġir u l-azzjonijiet ta’ rġiel li xi darba kienu ħabbew. Ħsibt li konna apprezzajna li marda mentali ma tiskwalifikakx milli tkun taf il-verita’ x’inhi u li din il-verita’ tgħidha.

Kont taħt l-impressjoni li fhimna li l-pulizija għandha s-saħħa li tinvestiga l-vjolenza domestika anki fin-nuqqas ta’ rapport formali. U li dan ifisser li għax Nickie Vella de Fremeaux ma rrappurtatx dak li allegat li seħħ ma jfissirx allura li dak li ġie allegat li seħħ, ma seħħx.

Kont naħseb li fhimna li jeżisti mhux biss l-iswed u l-abjad u l-fatt li l-bieraħ Adrian Delia mar iċ-ċinema ma’ tnejn minn uliedu – kif irrapporta n-Newsbook x’aktarx wara li kellmuh in-nies ta’ Adrian Delia — ma jfissirx li l-maltemp għadda. Iżda jfisser li mart Adrian Delia, fid-diskrezzjoni mogħti lilha mill-Qorti, tat il-kunsens tagħha biex lit-tfal jakkumpanjahom fiċ-ċinema.

Nickie Vella de Fremaux għandha t-tfal x’trabbi. M’għandha ebda partit politiku x’tmexxi. Mhux affarina li nistaqsu għaliex ħalliet lill-ulied jakkumpanjaw lil missierhom meta ftit jiem ilu akkużatu li sawwathom.

Din hi appunti r-raġuni għala l-Qorti fdatilha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi weħidha jekk missierhom kellux jitħalla waħdu magħhom jew le. Għaliex omm kapaċi tasal għal konklużjoni dwar il-ħtiġiet ta’ uliedha Bu dwar x’inhu fl-aħjar interess tagħhom indipendentement x’jista’ jgħid ħaddieħor dwar din il-konklużjoni.

U minkejja dan xi ħadd ikellem lil tan-Newsbook dwar din il-mawra fiċ-ċinema – storj ta’ natura mill-iktar privata – u jpinġiha bħala mossa politika.

Mhux xogħoli li nżomm ma’ naħa jew oħra f’kawża ta’ separazzjoni: għax mhux affarija. Iżda nisbel meta nara mezzi oħra tax-xandir iżommu ma’ raħel li għandu s-setgħa għaliex huwa aktar faċli li tagħmel dan milli temmen lill-mara.

Ma bqajniex nippretendu azzjoni la minn naħa tal-Pulizija u lanqas tal-Qorti. Nagħmlu kampanji biex nassiguraw li n-nisa ma nqisuhomx ħatja. U madankollu eżatt hekk qegħdin nagħmlu.

Jien ma niskanta xejn meta, minn naħa tal-għaqdiet tad-drittijiet tan-nisa, jkun hemm skiet li jtarrax dwar Kap tal-Oppożizzjoni li juża l-partit politiku li jmexxi bħala arma biex jiddefendi ruħu mill-akkużi ta’ vjolenza domestika li għamlet martu fil-konfront tiegħu. Jew meta nara lill-membri parlamentari nisa kollha b’ħalqhom magħluq minkejja d-diskorsi kollha dwar il-vjolenza domestika.

Daqs kemm ma niskantax li Helena Dalli — għal ġieħna Ministru għad-drittijiet tan-nisa — ma kellha l-ħila tgħid xejn dwar din il-kwistjoni kollha. Min jaf il-Pulizija hix se tiċċaqlaq, kif tinsab obbligata bil-liġi, u tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet issa li dawn huma pubbliċi u dan indipendentement mill-kawża civili li hemm pendenti?

Mhux ħaġa kbira jekk il-motivazzjonijiet ta’ Helena Dalli huma ta’ natura partiġġjana. Tal-Labour jaqblilhom jekk Adrian Delia iżomm postu jaħli l-enerġija tiegħu fil-kunflitti interni minflok joqgħod jispara fuqhom.

Iżda l-motivazzjonijiet tal-għaqdiet tad-drittijiet tan-nisa żgur m’humiex dawn. Dawn mhux jintebħu li, minkejja dak kollu li jingħad, meta jkun hemm raġel setgħan u mara, x’aktarx dejjem nassumu li għandu raġun ir-raġel u li l-mara hi “isterika” u “m’aħniex”.

Fil-frattemp, il-bqija tal-PN u dawk iċ-ċittadini ta’ kull fehma politika li jixtiequ li jaraw Oppożizzjoni ffukata fuq xogħolha li topponi lill-gvern u mhux fuq il-problemi matrimonjali tal-mexxej tagħha, jistgħu joqgħodu josservaw lill-PN ikompli jegħreq.