Il-Kummissjoni ta’ Venezja għamlet riferenza għan-numru kbir ta’ tribunali li għandna f’Malta li huma presjeduti minn ġudikanti – li m’humiex imħallfin jew maġistrati – u li għandhom is-setgħa li jaqtgħu is-sentenzi. Iżda li dawn il-ġudikanti ma jħabblu rashom xejn dwar id-dmir tagħhom mhux biss li jkunu iżda li wkoll jidhru li huma imparzjali.
Wieħed minn dawn huwa ċertu Harold Walls li jippresiedi t-Tribunal Industrijali. Bniedem li jiddiletta bil-kummenti fuq il-Facebook. Ara ma taħsbux li dawn huma xi kummenti akkademiċi. Xejn minn dan. Huma purament kummenti ta’ partitarju.
Issa jista’ jkun li Harold Walls huwa bniedem jagħti sentenzi bilanċjati u wieħed li ma jħallix l-entużajżmu tal-vavi li għandu għal partit politiku jinfluwenzalu ħsibijietu. Jista’ jkun ukoll li dan Harold Walls jaqta’ l-kwistjonijiet bejn ħaddiem u min iħaddem b’oġġettività. Iżda dawk li jħaddmu kemm jista’ jkollhom fiduċja li Walls jaqta’ s-sentenza b’ġustizzja meta l-Facebook wall huwa miżgħud b’daqq ta’ marċi li jsejjħu għall-qerda ta’ dawk li jħaddmu? Kont nargumenta bl-istess mod li kieku għażel li jżejjen il-Facebook wall tiegħu b’kanzunetti ta’ tifħir għall-propaganda nażista tal-filmati ta’ Leni Riefenstahl.
Walls għandu kull dritt għal twemminu. Iżda, meta jkun qed jaġixxi ta’ ġudikatur u jiġġudika lil ħaddieħor bis-setgħa kollha li ttih il-liġi, m’għandux joqgħod iperreċ il-fehmiet ideoloġiċi tiegħu qisu mhux hu. Kif qatt jista’ jkun hemm fiduċja li tkun qed iseħħ is-saltna tad-dritt meta permezz tal-Facebook ġudikant iġib ruħu qisu president ta’ tribunal ta’ żmien Stalin? Huwa minnu li l-liġijiet jeħtieġ jitranġaw. Iżda l-imġieba ta’ Harold Walls diġà tammonta għal ksur tal-liġijiet.
Iżda Harold Walls jaf li ħadd m’hu se jiġbidlu widintu. Għax ixejjer bandiera ħamra.