Dawk li l-gvern għajjarhom “biased assholes” — jew inkella, skond il-burdata, “shit holes” — ma jistgħux jifhmu b’mod oġġettiv il-għala l-gvern qed jirrifjuta li jniedi nkjesta indipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.  Fil-frattemp, it-trolls tal-Labour qed jibqgħu jirrepetu d-diska li tliet persuni qed jistennew biex igħaddu ġuri b’rabta mal-qtil tagħha. U li din għandha tkun speċi ta’ konsolazzjoni għaliex fil-każijiet ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana m’hemm ħadd li qed jistenna li jgħaddi ġuri.

Il-verità hi li l-gvern qed jagħmel il-bsaten fir-roti biex il-fatti ma jitilgħux fil-wiċċ. Ma jiġrix hekk f’ċirkostanzi simili fil-bqija tad-dinja u l-‘biased assholes’ minn madwar id-dinja jafu sew dak li suppost isir.

Il-ġimgħa li għaddiet seħħ att terroristiku f’Strasburgu. Malli Cherif Chekatt kien instab u nqatel mill-Pulizja l-Ħamis filgħaxija, l-President Emmanuel Macron serraħ ras il-pubbliku li l-każ kien għadu ma ngħalaqx u li l-Pulizja kienu qed ikomplu jinvestigaw biex jaraw kienx hemm min kien kompliċi fl-att terroristiku. Biex inkunu preċiżi, “l-awtoritajiet Franċiżi qed jinvestigaw aktar biex tiġi ċċarata r-raġuni għaliex l-allegat terrorista ma nżammx qabel seta’ jwettaq id-delitt”. Din m’hix ħaġa li jistgħu jinvestigawha l-Pulizija.

Il-bieraħ Macron qal li “Franza tkun tista’ tiġbed ċerti konklużjonijiet dwar il-konsegwenzi tan-nuqqasijiet minn naħa tal-Pulizija u tkun tista’ taħdem biex ittejjeb l-affarijiet”. Dan għaliex għalkemm id-dmir tat-tfittxija għal min ikun wettaq delitt huwa l-qofol, hemm ukoll dmir akbar: dak li jiġi evitat għal kollox it-twettiq ta’ delitt. L-Istat naqas mir-responsabbiltà tiegħu li jħares ħajjet il-vittmi ta’ Cherif Chekatt u ċ-ċittadini għandhom kull dritt li jsiru jafu għaliex kien hemm dan in-nuqqas, min għandu jerfa’ r-responsabbiltà u kif tista’ jiġi evitat it-twettiq ta’ delitt ieħor bħal dan. Jista’ dejjem jagħti l-każ li dawn l-investigazzjonijiet jaslu għall-konklużjoni li ma seta’ jsir xejn aktar milli fil-fatt sar u li inevitabilment wieħed dejjem se jsib it-truf. Iżda x’aktarx li dan mhux se jkun il-każ.

Il-mozzjoni li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament li permezz tagħa talab lill-gvern jagħmel dak li kien messu għamel 14 il-xahar ilu m’għaddietx għaliex id-deputati tan-naħa tal-gvern ivvutaw kontriha. Il-gvern qal li l-ewwel għandu jintemm il-proċess kriminali — proċess li jista’ jdum għaddej mal-għaxar snin  — qabel issir inkjesta dwar dak li seta’ ġie evitat. Fis-Sunday Times of Malta tal-lum, Fr Joe Borg ikkritika lill-Partit Demokratiku talli dwar din il-kwistjoni “ħawwdu l-imħuħ”. Hawn kien qed jirreferi għall-emenda li ppropona l-PD biex tinħatar kummissjoni – simili għal dik li kien ippresieda Desmond Tutu – sabiex tiġi mistħarrġa l-verita mhux biss dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda wkoll dwar il-qtil ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana. Fr Joe għandu raġun. Fuq din il-kwistjoni jeħtieġ li nkunu ċari u l-mozzjoni tal-PD tħallat kwistjoni ma’ oħrajn. B’differenza għall-każijiet ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana, Daphne Caruana Galizia kienet fil-mira ta’ min qatilha. U l-periklu għadu fostna.

M’għandniex xi ngħidu, ikun tajjeb jekk tista’ ssir xi ħaġa biex insiru nafu aktar dwar il-qtil ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana. Iżda huwa bil-wisq aktar urġenti li nsiru nafu biċ-ċirkostanzi kollha tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dawk li setgħu kienu responsabbli li ppermettew it-twettiq ta’ dan id-delitt, x’aktarx għadhom fil-pożizzjoni li jerġgħu jippermettu li jseħħ delitt ieħor. Il-membri tal-familja ta’ Daphne u l-kollegi tagħha jinsabu esposti għal perikli li l-gvern m’huwiex interessat li jsir jaf kif jista’ jevitahom.

Meta entitajiet internazzjonali flimkien mal-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia jħeġġu lill-gvern jagħmel dak li kull gvern demokratiku ieħor kien jagħmel żmien twil ilu, ma jkunux qed ifittxu li jdawru l-arloġġ għal meta Daphne Caruana Galizia kienet mimlija bil-għomor. Iżda jkunu qed jikkonfrontaw ir-realtà dwar in-nuqqas ta’ sigurtà għall-ġurnalisti u għal kull min jikkritika lill-gvern – nuqqas ta’ sigurtà li diġà ssarraf f’assassinju ta’ ġurnalista aktar minn sena ilu.

B’mod pervers, l-Avukat Ġenerali qed jipprova jagħti r-raġunijiet tiegħu għaliex l-inkjesta indipendenti m’għandhiex issir. Pervers għaliex ebda avukat m’għandu jkun kompliċi fid-delitti li jwettaq il-klijent tiegħu.

Patrick Hertzog/AFP/Getty Images