Tal-Malta Today illum kitbu li Adrian Delia rċieva l-rigal tiegħu tal-Milied. Il-perċentwali ta’ dawk li jafdawh “spara ‘l fuq” u, skond il-ġurnal, dan ġara’ għaliex l-istrateġija tal-PN, li permezz tagħha l-Partit għamel kampanja b’saħħitha dwar 17 Black u b’hekk ingħaqad mal-“fazzjoni ta’ Simon Busuttil”, inlaqgħet minn nies.

Fi kliem ieħor, qalulu li l-mod l-antik jaqta’ sandar aktar mill-mod ġdid.

M’għandniex xi ngħidu, tal-Malta Today qed ikunu kemmxejn ġenerużi fl-analiżi tagħhom.

Skond is-sondaġġi li mexxa l-ġurnal, li kieku l-elezzjoni kellha ssir illum ir-riżultat ikun inqas diżastruż għall-PN li kieku l-elezzjoni saret f’Novembru li għadda. Madankollu r-riżultat xorta waħda jkun agħar minn kull riżultat ieħor miksub mill-PN miż-żmien meta t-tmexxija tal-partit kienet inħelset mill-kampijiet tal-konċentrament tal-Uganda.

Skond dawn is-sondaġġi, ħadd minn dawk li vvotaw Labour fl-2017 jafda lil Adrian Delia. Ismu lanqas biss jissemma’. 39.2% minn dawk li vvotaw PN fl-2017 igħidu li ma jafdawħx. U kważi lkoll kemm huma (32.8%) jgħidu li ma jafdaw ebda wieħed mill-mexxejja tal-partiti. Il-bqija hemm minnhom li għadhom mhumiex ċerti u oħrajn li lil Joseph Muscat għandhom grazzja miegħu aktar milli għandhom ma’ Adrian Delia.

Jekk għall-PN din hi kunsidrata bħala aħbar tajba, jiddispjaċini ngħid li dan m’hu xejn ħlief ottimiżmu bla bażi. Mingħajr ma rrid niftakar f’dik ix-xena li fiha Dr Pangloss lil Candide jgħidilha li jgħodd ruħu xxurtjat li salva mill-għarqa ta’ nawfraġju fil-Baħar Atlantiku sakemm imbagħad rifes fuq ix-xatt ta’ Lisbona u seħħ l-agħar terremot fl-istorja. Xortiħ tajba tassew!

L-Eurobarometer qed igħid li l-gvern ta’ Malta huwa fdat minn 63% tal-popolazzjoni. Il-gvern igħid li dan hi prova tas-suċċessi tiegħu. Jekk b’dan iridu jfissru li l-PL ikkonsolida l-appoġġ li diġà għandu, jien ngħid li għandhom raġun. Is-sondaġġ imxandar fil-ħarġa tal-lum tal-Malta Today — dak li l-ġurnal sejjaħlu bħala aħbar tajba għall-istrateġisti tal-PN — fil-fatt juri li l-appoġġ għall-Partit Laburista żdied mill-aħħar sondaġġ li sar. Tgħiduli xejn kemm hi aħbar tajba din!

Bl-ottimiżmu bla bażi mhux se jinstab tarf ta’ sitwazzjoni li issa saret waħda ta’ urġenza nazzjonali – aktar minn waħda ta’ natura partiġġjana.

Il-kejl dwar il-fiduċja m’huwiex kejl dwar il-kwalita’ tal- gvern. Huwa biss kejl dwar il-kwalita’ ta’ relazzjoni li l-gvern għandu mal-elettorat. L-istrateġija populista tabilħaqq ħadmet sew għall-Partit Laburista u Joseph Muscat wera li jifhem sew il-mod kif jaħsbuha u jirraġunaw il-votanti.

Fost l-elettorat hemm ċerta fiduċja għamja. Eżatt bħal dak il-buġarrun li lil martu jikkonvinċiha li ma setgħetx tiżżewweġ raġel aħjar minnu minħabba d-deheb u l-ġawhar li jixtrilha biex tiżżejjen bihom, Joseph Muscat huwa fdat għaliex massa kbira tal-poplu għażlet li tagħlaq għajn waħda għal dak kollu li f’moħħha jqajjem is-suspetti u tippreferi ċ-ċejċa li taħseb li qed tirċievi mir-relazzjoni ta’ bejniethom.

Għall-bidu, “l-istrateġisti tal-PN” — kif isejħulhom tal-Malta Today — din ir-relazzjoni għoġbithom u ppruvaw jikkupjawha: libsu l-libsa tal-buġarrun f’attentat biex jikkompetu fil-wegħdi ma’ l-ewwel buġarrun.

Madankollu t-tweġiba fil-forma ta’ mistoqsija kienet waħda ovvja: għalfejn għandna nibdlu buġarrun b’ieħor?

Tal-Malta Today qalu li issa d-direzzjoni nbidlet u li dan jirriżulta mir-riżultat tas-sondaġġ li jirrifletti l-mod kif qed jaħsbuha l-votanti.

U allura l-PN reġa’ qed ikun iebes dwar il-korruzzjoni.

Verament għandu għal xiex jifraħ il-PN. Kulma hemm bejnu u l-PL hi l-perċentwali ta’ 30% f’dik li hi fiduċja fil-mexxejja.