F’dawn l-aħħar ġranet Godfrey u Marlene Farrugia sabu ruħħom kemmxejn iżolati fil-Parlament. It-tmexxija tal-PN tidher li qed tiffoka l-fissazzjonijiet tagħha fuqhom u qed titkellem dwarhom bħallikieku dawn kienu l-kaġun tat-telfa fl-elezzjoni. Fl-istess waqt, tal-Labour erħilhom juru d-disprezz fil-konfront tagħhom għax f’għajnejhom dawn huma tradituri.

Il-koppja Farrugia wrew kuraġġ kbir meta ddisassoċjaw ruħħom mill-ħmieġ tal-gvern Laburista u kienu ngħataw merħba kbira mill-PN qabel l-elezzjoni tal-2017. Iżda, kif jaf kulħadd, l-affarijiet inbidlu minn dak iż-żmien ‘l hawn.

Din il-ġimgħa tal-Partit Nazzjonalista wieġbu lil Godfrey Farrugia wara li dan ikkritikahom talli warrbu fil-ġenb mozzjoni Parlamentari li ssejjaħ għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u fakkruh li hu kien ivvota kontra mozzjoni simili meta kien għadu l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista. Qalulu: “Int m’għandekx il-kredenzjali li tiġġieled kontra l-korruzzjoni”.

Tal-PN ħadu pożizzjoni kemmxejn stramba. Huwa ċar li jekk fil-ġejjieni tal-PN għad jirbħu elezzjoni, ikun jeħtieġ li ftit eluf ta’ votanti li fl-imgħoddi vvutaw għall-partit ta’ Joseph Muscat, jivvutaw għall-PN. U jekk tal-PN bi ħsiebhom jagħtu l-ġenb lil uħud li dari kienu jivvutaw lill-partit ta’ Joseph Muscat, se jibqgħu jagħżqu fl-ilma. Tal-PN bħal donnhom insew min hu l-veru avversarju tagħhom. Kompetizzjoni mal-PD għall-voti m’hi xejn ħlief vavata. Tal-PN mingħand tal-Labour jeħtieġu l-voti u din għandha tkun il-mira tagħhom.

Fil-kuntest ta’ dan l-iżolament, il-bieraħ seħħ inċident li jħasseb. Marlene u Godfrey Farrugia kkritikaw bl-aħrax lil Chris Cardona. Għalkemm Chris Cardona jista’ jkollu fehmiet differenti, dawn ma kienu qed jagħmlu xejn ħlief dmirhom li jeżiġu kontabilità mingħand il-Ministru. F’ħin minnhom, Chris Cardona fuq Marlene Farrugia u qalilha “issa ġejja tiegħek”.

Meta ġie mistoqsi mill-iSpeaker dan il-kliem x’ried jgħid bih, Chris Cardona qal li kliemu ma kienx intenzjonat biex ihedded.

Min jaf?

Fil-kuntest ta’ dak kollu li għadda minnu l-pajjiż, Chris Cardona ma messux joqgħod aktar attent u jwieżen kliemu meta jindirizza mara li tkun qabbżithielu?