Il-mod kif ġabu ruħħom Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Chris Cardona il-bieraħ fil-Parlament kien wieħed li jqażżek. Laħqu l-qiegħ bid-disprezz li wrew lejn il-Parlament. Dawn huma nies li jippretendu li kulħadd għandu jinkinalhom minħabba l-kariga li jokkupaw. Dawn huma nies li jġiegħlu lil dawk li huma qaqoċċa magħhom biex jiddefenduhom u jattakkaw lil dawk li jżommu ‘l bogħod minnhom.

Aħsbu ftit f’dak il-famuż ritratt ta’ Adrian Delia jippoża ma’ Joseph Muscat fl-istadjum nazzjonali tal-futbol. Meta kien hemm min ażżarda jesprimi dubji dwar kemm kien f’loku t-teħid ta’ dak ir-ritratt li nġibed fl-istess ġimgħa li Joseph Muscat ħareġ għonqu biex jagħti l-kenn lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri dwar l-iskandlu 17 Black, l-apoloġisti dlonk bdew jitkellmu dwar il-ħtieġa li l-politiċi jġibu ruħħom ma’ xulxin b’rispett u, f’okkażjonijiet ta’ għaqda nazzjonali – bħalma hi logħba futbol f’Ta’ Qali li fiha tkun qed tilgħab l-iskwadra nazzjonali – r-rivalità professjonali għandha tinżamm il-bogħod. Min jirraġuna b’dan il-mod ikun qed igħid ħmerija mill-kbar! Min joqgħod joħlom billi jimmaġina politiċi ta’ kull lewn jidħku u jiċċajtaw bejniethom – bħal George W. Bush and Barack Obama –  għandu jiftakar li dawn iż-żewġ eks-Presidenti lil Donald Trump iżommu ‘l bogħod minnu bħallikieku għandu l-pesta. In-nuqqas ta’ qbil dwar il-politika hija kompattibli mal-ħbiberija sinċiera. Iżda l-istorja hi għal kollox differenti fejn tidħol il-korruzzjoni.

Il-bieraħ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Chris Cardona d-dibattitu Parlamentari bidluh f’burdell. Huwa pjuttost minn ewl id-dinja li, meta jsibu ruħħom bi sfidi ma’ wiċċhom, ministri ta’ kull gvern kultant jingħelbu mit-tentazzjoni li jinfexxu fl-arroganza bħala mezz ta’ awto-difiża. Fi żmien jew ieħor, issib li kull min hu attiv fil-politika din it-tentazzjoni x’aktarx jaqa’ għaliha.

Din m’hix il-karatteristika li fuqha huwa mibni l-karattru ta’ Joseph Muscat. Hawn mhux qed nirreferi għall-kunfidenza żejda li jista’ jkollhom ċerti politiċi minkejja l-fatt li mhux kulħadd jista’ jkun qed jarahom ħelwin. Qed nirreferi għall-attitudni Mafjuża ta’ arroganza, ta’ arja u ta’ disprezz. Xi deputati tal-Oppożizzjoni li kienu għamlu xogħolhom sew u qraw ir-rapport sħiħ tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu Electrogas, bdew jikkwotaw minn diversi paġni tar-rapport voluminuż u saħansitra mmarkaw il-paġni li kien fihom kundanni għall-aġir tal-gvern. M’għandniex xi ngħidu, kienu qed jippruvaw jilqgħu għall-qerq u għall-gideb sfaċċat li ħareġ bihom il-gvern ftit minuti wara li xxandar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali u li permezz tagħhom ried ibellagħha li r-rapport kien wasal għall-konklużjoni li l-proċess tal-Electrogas kien wieħed ifuħ mill-bidu sal-aħħar. Meta bdew jikkwotaw mir-rapport stess, deputati tal-Oppożizzjoni riedu juru bil-fatti f’idejhom li Joseph Muscat u Konrad Mizzi gidbu meta stqarrew li Awditur Ġenerali ma kien sab xejn ħażin fil-proċess tal-għażla tal-Electrogas jew li kien iddeċieda li mhux minnu li l-ftehim dwar in-negozju kien diġà ntlaħaq qabel l-elezzjoni tal-2013 meta kien għadhom fl-Oppożizzjoni. U kull darba li dawn id-deputati bdew jikkwotaw xi paragrafu mir-rapport, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Chris Cardona tawha għat-teatrin u għamlu tabirruħħom li kienu qed jilgħabu t-tombla huma u jgħajjtu l-kliem ‘line’ jew ‘house’.

Ħafna drabi, l-politiċi jirrikorru għall-arroganza u din jużawha bħala tarka ta’ difiża. Iżda jkunu qed jużaw it-tarka tad-difiża tal-ħallelin dawk il-politiċi li, bl-imġieba tagħhom, juru disprezz lejn il-Parlament, lejn l-Awditur Ġenerali li huwa kontabbli lejn il-Parlament u lejn l-isforz li jkun sar biex it-taħwid kollu li seħħ fin-negozju tal-Electrogas joħroġ fil-beraħ. Mhux diffiċli li wieħed jifhem x’hemm wara din l-imġieba arroganti ta’ Joseph Muscat u ta’ Konrad Mizzi: it-tnejn li huma għandhom ħafna xtur x’jgħattu.

Chris Cardona, mill-banda l-oħra, dawn it-teatrini jagħmilhom għal ftit żuffjett. Eżatt bħal dak il-manigold tal-leġġendi li jiskarna lil min ikun telliflu l-irqad, Chris Cardona ixejjer il-mannara tiegħu fil- Parlament għax jaħseb li b’hekk ikun qed ibeżża’ lin-nies. Forsi hekk ikun qed jagħmel ma’ x’uħud, fosthom il-biċċa l-kbira tal-membri tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista li żammew il-bogħod u naqsu li jieħdu sehem fid-dibattitu. Edward Scicluna, Helena Dalli, Ian Borg, Carmelo Abela, Deo Debattista, Josè Herrera: dawn ilkoll żammew il-bogħod mill-Parlament fl-istess waqt li l-kollega ministerjali tagħhom kien qed jiġi kritikat bl-aħrax dwar il-provi li nġiebu dwar il-prezz għoli li qed ikollhom iħallsu l-konsumaturi minħabba l-korruzzjoni tiegħu. Chris Agius kien fil-Parlament u wieġeb xi mistoqsijiet iżda lebbet ‘il barra meta beda’ d-dibattitu dwar l-Electrogas. Owen Bonnici, Evarist Bartolo, Justyne Caruana u Julia Farrugia daħlu fil-Kamra u wara ftit minuti lebbtu ‘l barra wkoll.

L-‘appoġġ’ lil Joseph Muscat u lil Konrad Mizzi ma kienx ġej mill-kollegi Parlamentari tagħhom iżda mingħand Kurt Farrugia u mingħand ċorma qaddejja ġejjin u sejrin bil-messaġġi għall-Prim Ministru. Ma kien hemm xejn ta’ barra minn hawn. Ma kien hemm ebda ribelljoni. Lil Joseph Muscat, id-deputati Laburisti m’humiex qed jippruvaw jibgħatulu xi messaġġ li huma m’humiex kuntenti bl-appoġġ li qed jagħti lill-kollega korrott tagħhom. Mill-banda l-oħra, l-iskuża li jistgħu forsi jġibu l-għala m’attendewx għal dibattitu politiku tant importanti – dejjem jekk jindenjaw ruħħom li jġibu skuża – minħabba impenji oħra tkun biss dik li hi: jiġifieri skuża. U r-raġuni vera għal din l-imġieba ndifferenti hi biss id-diprezz li huma għandhom għal kull skrutinju li jista’ jsir lill-gvern tagħhom. Dawn lanqas biss iħabblu rashom li jidhru bħala grupp magħqud li jaqbżu għal wieħed minn sħabhom li jkun qed jiġi kritikat. M’għandhomx bżonn jidhru li huma magħqudin, impenjati jew b’xi mod konvinti li l-kollega tagħhom qed jiġi attakkat inġustament. Għaliex jafu li ħadd ma jista’ għal xi wieħed minnhom. Din m’hix arroganza minn tas-soltu. Minnha nnifisha m’hi xejn ħlief korruzzjoni.

Emmnuni li xbajt nisma’ nies joħolmu b’dinja ġdida bil-miġja ta’ xi mexxej Laburista nadif li bil-kwiet jieħu post Joseph Muscat u li jġib fi tmiemhom snin impestati bil-korruzzjoni tal-klikka tal-Panama. Ma jimpressjonawni xejn dawk li huma ammiraturi sigrieti ta’ Chris Fearne li qed jiskużawh talli qed jistenna li tiġiħ l-opportunità biex jeħles minn Joseph Muscat mingħajr ma jħammeġ idejh. Il-fatt li Fearne għandu s-saħħa li jisfida lil Joseph Muscat ifisser li għandu d-dmir li jagħmel dan. Issa. Qabel issir aktar ħsara rreparabbli lill-pajjiż. Il-fatt li m’huwiex jisfidah ifisser li hu wkoll irid ikompli jgawdi mill-korruzzjoni istituzzjonalizzata.

Il-bieraħ Chris Fearne qam fil-Parlament biex jagħmel eloġju sħiħ lil Vincent Moran li sejjaħlu “missier il-kura primarja tas-saħħa”. Jista’ jkun li kellu din il-paternità. Iżda li jiġi jitkellem dwar is-snin 70 bħallikieku dawn kienu l-bidu tas-servizz nazzjonali tas-saħħa meta kien fil-fatt iż-żmien li fih  ġenerazzjoni sħiħa ta’ tobba kienu ssakkru barra mill-isptarijiet u kellhom jitilqu mill-pajjiż u żmien meta meta ngħalqu sptarijiet sħaħ, ikun qed jerġa’ jikteb l-istorja bl-intenzjoni li jagħti t-timbru tal-leġittimità lil min bħalissa għandu s-setgħa f’idejh. Nista’ nimmaġinaħ minn issa jagħmel diskors simili bħala mexxej ġdid tal-Partit Laburista u prim ministru. Nista’ nimmaġinah ifaħħar “l-aqwa żmien” taħt Joseph Muscat u fl-istess waqt jagħti tibjida ta’ żebgħa bajda lill-korruzzjoni li twaħħax li hawn bħalissa.

Hemm oħrajn li qed idoqqu l-istess diska. Il-Politico nnominat lil Miriam Dalli bħala waħda mill-aktar politiċi attivi fl-Ewropa. Jista’ jkun li hi attiva. Iżda hi wkoll apoloġista għall-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat minkejja l-fatt li l-Partit Soċjalista tal-Ewropa jinsab diżgustat b’dan il-ħmieġ kollu. Jekk verament hi daqshekk attiva, x’inhi tistenna biex iċċanfar lil Joseph Muscat?

Dawn l-eroj tal-ġejjieni tal-Partit Laburista qed jabbandunaw il-preżent minħabba l-ambizzjonijiet politiċi tagħhom. M’humiex direttament responsabbli għat-taħwid li hawn l-amministrazzjoni pubblika u għad-disprezz lejn l-iskrutinju Parlamentari. Iżda lill-korrotti qed ituhom ir-riħ.

Ismagħhom iqaqu bid-daħk.