Stqarrija ta’ #Reżistenza:

Malta hi infestata bil-korruzzjoni

Il-Maltin kollha jaqblu li l-korruzzjoni tolqot kull aspett tal-ħajja soċjali u amministrattiva ta’ pajjiżna, iżda ftit huma dawk li jikkundannawha u jimpenjaw ruħhom kontra dan l-abbuż. Anzi, bosta huma tal-fehma li l-korruzzjoni ddawwar ir-rota ta’ l-ekonomija u timla’ il-bwiet ta’ kulħadd.

Infakkru lill-politiċi kollha li huma qaddejja tagħna. Jitħallsu minna biex iħarsu l-ġid komuni. Nistennew mingħandhom li jaħdmu bla waqfien biex jikxfu l-korruzzjoni u joħolqu mekkaniżmi istituzzjonali u kultura ta’ osservanza tal-liġi li tassew jipprevjenu l-korruzzjoni. F’dan il-politiċi tagħna fallew. Anzi bosta minnhom huma promoturi jew kompliċi f’atti ta’ korruzzjoni. Lil dawn ngħidulhom li m’aħna ser ninsew qatt il-ħsara li qed jagħmlu. Posthom huwa l-ħabs.

Il-prattika immorali ta’ pjaċiri li jsiru liċ-ċittadini komuni tintuża b’mod ikkalkulat biex jinżamm il-kunsens popolari u biex iż-żgħir ma jgħirx għal min jibbenefika minn atti kbar ta’ korruzzjoni. Kull min jibbenefika minn pjaċiri żgħar ikun qiegħed ibierek atti kbar ta’ korruzzjoni. Hi sistema waħda, tinten minn rasha sa saqajha.

Ma tistax tkun onest u taċċetta l-pjaċiri minn politiċi. Il-pjaċiri huma serq. Il-pjaċiri huma atti ta’ korruzzjoni. Ma tistax tkun onest u ma tipprotestax kontra l-korruzzjoni. Ma tistax tkun onest u tgħallem lil uliedek biex jitolbu l-pjaċiri u jgħalqu għajnejhom għall-korruzzjoni ta’ ħaddieħor.

Il-korruzzjoni tnawwar. Il-korruzzjoni tisraq. Il-korruzzjoni toqtol.