Wara l-inċident li seħħ il-bieraħ, tant kont għajjien li lanqas kelli l-enerġija naħseb u mteddejt norqod. Il-mara li tidher tgħajjat u titkellem ħażin f’dak il-video kienet qed tgħajjat u tkellem ħażin lill marti Clemence li dakinhar daħlet il-Belt Valletta ma’ binha biex tixtrili rigal tal-Milied. Inzertat waqfet quddiem il-Mafkar biex tgħid kelma ma’ wħud mill-attivisti li kienu preżenti u, waqt li kienet bil-qiegħda ma’ mejda fil-ġenb tal-Misraħ, semgħet ġemgħa żgħira ta’ nies igħajjtu u jkellmu ħażin lill-attivisti li kienu qed iqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat mal-Mafkar. Hi avviċinathom, ġibdet filmat u lkoll rajtu ftit minn dak li seħħ. Fil-filmat jinstema’ wkoll il-leħen ta’ raġel jidgħi bl-addoċċ sakemm imbagħad spiċċaw farrkulha l-mobile tagħha wara li tajjruhulha minn idejha. Ir-raġel li nstema’ jidgħi fil-filmat refa’ jdejh fuq marti u weġġagħha. Marti lanqas biss kienet lissnet kelma u baqgħet ma qalet xejn. Hi tgħid li m’hix kapaċi tagħraf ir-raġel li refa’ jdejh fuqha. Dan tfaċċa mill-ġnub u meta ħasset l-uġiegħ bid-daqqiet li qalgħet, kien moħħa biss biex tara kif se twarrab. Iżda setgħet tagħraf lill-mara li kienet tatha l-ewwel daqqa għaliex kienet leħqet ġibdet filmat tagħha. Ma domniex biex intbaħna li din ma kinitx ħassitha ndannata għax xi ħadd dejjaqha jieħu filmat. Dak li għamlet kien ilu jberren f’moħħha.
Il-mara li refgħet idejha fuq marti jisimha Helen Cutajar. Minn kemm ilhom li bdew, il-protesti fil-Belt Valletta lil din ilhom żmien twil jogħrkulha għajnejha. Lil Daphne Caruana Galizia qatt ma ħamlitha, la f’ħajjitha u lanqas wara mewtha. Din Helen Cutajar kienet organizzat gruppi fil-Facebook bl-iskop li jinsultaw u jgħajjru lil Daphne Caruana Galizia ħafna qabel bdew jiġu organizzati t-trolls mill-Partit Laburista. Araw x’kienet kitbet Daphne dwar Helen Cutajar li kienet tuża identifikazzjoni falza biex tilqa’ kummenti mimlijin tgħajjir u theddid.
Aqraw uħud mill-kummenti:
Meta ġiet assassinata Daphne, Helen Cutajar bdiet tiffoka l-mibgħeda tagħha fuq dawk li kinux qed jiċċelebraw il-qtil tagħha. Xahar wara l-qtil ta’ Daphne, kitbet li dawk li kieu qed jitolbu l-ġustizzja u jipprotestaw kontra l-qtil tagħha għandhom jiġu eżiljati minn Malta.
Lejliet is-Sena l-Ġdida s-sena l-oħra bdiet tħambaq u teqred dwar il-protesti f’Miraħ l-Assedju l-Kbir.
Hawn qed tixtieq li kienet hemm meta, fl-inħawi fejn tgħix, attivisti “vvjolaw” l-istatwa ta’ Lorry Sant permezz ta’ flokk li jġib il-kliem li kull fejn tħares hemm il-ħallelin.
Xi ġimgħat wara, kitbet li Daphne għandha tiġi mfakkra biss fil-miżbla tal-Magħtab u mkien ieħor.
Hawn qed tinkoraġġixxi lis-“soċjeta’ ċivili” to get a life.
Naħseb li qegħdin tifhmu. Ir-reazzjoni tagħha għal min kien qed jiġbed il-filmat ma kinitx waħda spontanja. Kienet ilha żmien twil tiġma l-velenu ġo fiha. Iżda sa dakinhar tal-inċident, Helen Cutajar kienet illimitat ruħħa għall-kummenti fuq il-Facebook u bil-kummenti tagħha ippruvat tweġġa’ b’ilsienha dawk in-nies li għaliha jitqiesu għedewwa. Issa għamlet pass ‘il quddiem. Din Helen Cutajar m’hi xejn ħlief eżempju ħaj tal-bidla li qed isseħħ bħalissa favur il-vjolenza.
Helen Cutajar irrabjatni. Iżda rrabjajt aktar għal dak il-ġurnalist li l-bieraħ ċempel lil marti u staqsiha tirrakkontalu x’kien ġara’. Dan staqsiha jekk jidhrilhiex li kienet ipprovokat lill-mara bit-teħid tal-filmat.
Ejjew niċċaraw ftit l-affarijiet. Min juża l-vjolenza fiżika fuq ħaddieħor, ma jiġix “provokat”. Il-provokazzjoni għandha l-effett li tnaqqas mir-responsabbiltà u hi l-iskuża li jġibu l-istupraturi, dawk li jsawwtu lin-nisa tagħhom u persuni vjolenti oħrajn li jkunu jridu jispjegaw l-imġieba tagħhom bħallikieku m’għandhomx kontroll fuqhom infushom u kollox kien spontanju. L-attivisti jiġbdu l-filmati kontra minn jitħajjar jerfa’ jdejh fuqhom bit-tama li dawn jiġu mġiegħla jerġgħu jaħsbuha sewwa u jikkontrollaw lilhom infushom qabel isawwtu lil ħaddieħor. Iżda, kif nafu, din it-tattika mhux dejjem taħdem. L-attivisti jagħmlu użu mill-mobiles tagħhom biex jiddefendu lilhom infushom mis-swat, kif għamlet marti ‘l bieraħ. U dan biex ma nsemmix l-insulti u t-tgħajjir tal-fanatiċi fit-triq li jkollna nissaportu kważi kuljum. L-attivisti ma jiġbdux filmati ta’ dawk li jkunu għaddejjin mit-triq għall-affari tagħhom. Jużaw il-mobiles biss meta jkun hemm min ikellimhom b’aggressjoni u b’theddid.
Il-bieraħ ma’ marti kien hemm binha l-kbir. Uliedna, li huma iżgħar, intebħu x’kien ġara’ meta raw il-mobile tagħha jsir mitt biċċa. U kien hawn li ftakru x’kien seħħ il-ġimgħa li għaddiet meta l-mobile ta’ attivist ieħor ukoll spiċċa rmied. Binti ma setgħetx iġġerraħ dak li kien seħħ. Ma tgħidilniex biex ma mmorrux aktar il-Belt Valletta: tridna nitilqu mill-pajjiż għal kollox. Madankollu dak il-ġurnalist li ċempel lil marti ried ikun jaf kif l-attivisti stiednu l-vjolenza b’idejhom u ġiegħlu lill-aggressuri jsawwtuhom. Ipprovokajnihom bis-sempliċi fatt li konna preżenti biswit il-Mafkar. U, għax ilna xhur sħaħ immorru biswit il-Mafkar, Helen Cutajar (u oħrajn bħalha) ilha maħruqa hi u timtela’ bil-velenu. Issa tħoss li tista’ tinfexx. Wara kollox, għandha l-ħbieb fost iċ-ċirku tas-setgħana. Araw ftit ma min hi qaqoċċa din Helen Cutajar.
Din hi l-loġika – jekk nistgħu nsejjħulha hekk – li jużaw dawn in-nies. L-istess loġika li kull jum “qatlet” lil Daphne Caruana Galizia f’kull jum li kienet għadha mimlija bil-għomor u kull jum kemm ilha li nqatlet. L-istess loġika li tgħid li jekk ma tridx minn jgħajjrek, jinsultak jew isawwtek, ara ma tmurx tagħmel xi ħaġa li tista’ ddejjaq lill-gvern. Ara ma tmurx tikkritika lill-gvern għax inkella tipprovoka r-reazzjoni vjolenti li tkun stedint.
Il-biċċa l-kbira tan-nies fit-toroq qed jitħallew bi kwiethom: il-bieraħ dawn kienu qed igawdu ż-żmien ta’ ferħ li jġib miegħu l-Milied fit-toroq tal-Belt Valletta. Huwa l-aqwa żmien għal dawk li joqgħodu kwieti għall-affari tagħhom. Iżda l-attivisti li jipprotestaw b’mod paċifiku u li jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat mingħajr ma jweġġgħu lil ħadd – dawn jistiednu l-inkwiet?
Dak li nistiednu huwa l-mistħija. Il-mistħija li tispiċċa mgħajjar, imbuttat u msawwat quddiem uliedek. Il-mistħija li, quddiem uliedek, jkollok toqgħod tispjega lill-ġurnalisti li ma konniex aħna “li bdejniha”. Il-mistħija li titlob lil uliedek jistennew għal siegħat sħaħ fl-għassa sakemm aħna jkollna noqgħodu nirrakkontaw ir-raġuni għala – għal darb’oħra – ġejna msawwta u ħwejjiġna misruqa.
Dawn iriduna naqtgħu qalbna. Aħna nipprotestaw meta jkollna ċ-ċans u nonfqu l-flus minn bwietna: ma nitolbu xejn ħlief it-taħris tad-drittijiet ta’ kulħadd, inkluż id-drittijet ta’ Helen Cutajar.
Iċ-ċittadinanza tagħna hi waħda attiva. iżda l-bieraħ tal-Malta Today għajjruna li qed nigħabuha tal-qaddisin, u dan talli ażżardajna nespriemu fehmitna dwar dak li jidhrilna jeħtieġ li jitranġa. Iżda meta nispiċċaw imsawwta quddiem uliedna, inkunu wasalna fi stadju fejn ma nkunux aktar kapaċi ngħidu x’iġiegħelna nibqgħu nipprotestaw.
Hawn min igħid li erġajna lura għas-snin 80 u li l-vjolenza li kienet twaqqfet fi tmiem dawk is-snin qed terġa’ tqajjem rasha. M’hemmx dubju li s-sitwazzjoni qed tiggrava. Hemm ukoll min igħid li l-Partit Nazzjonalista għandu jerfa’ r-responsabbiltà talli f’25 sena bir-riedna tal-gvern f’idejh, m’għamel xejn biex ma jirrepetix ruħu dak li qed iseħħ illum: Dawn iwaħħlu fil-politika ta’ rikonċiljazzjoni tal-1987.
Ma naqbilx ma’ min jirraġuna b’dan il-mod. Il-vjolenza twaqqfet grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Meta kienu jisparaw fuq il-każini, il-PN ma rritaljax. Meta kienu jsawwtu lin-nies fit-toroq, il-PN qabeż għalihom. Il-PN hekk kien jagħmel mal-bulijiet dak iż-żmien.
Għamlu paragun mar-reazzjoni tal-PN il-bieraħ għall-vjolenza li seħħet fuq min kien qed jipprotesta b’mod paċifiku fi Triq ir-Repubblika. Il-PN siket u l-istazzjon tat-televiżjoni tiegħu lanqas biss semma’ l-inċident. Helen Cutajar tagħmel li tagħmel għax hemm min itiha l-ħabel u min itiha l-ħabel mhux se jinfatam minnha. Daqs kemm mhux se jinfatmu minn nies bħal Neville Gafà, Chris Cardona u Konrad Mizzi. U qed tingħata l-ħabel ukoll għaliex għall-Partit Nazzjonalista – partit li Helen Cutajar qatt ma ġerrħet – bħal donnu ma ġara’ xejn.
Il-bieraħ marti ssawwtet minn raġel u minn mara. Ma jimpurtax. Dalgħodu qed tħossha ħafna aħjar.
Iżda l-libertà tal-kelma ħadet majnata.