Konrad Mizzi lmenta li kisrulu drittijietu. Naqta’ rasi li issa se joħorġu jgħidu li Konrad Mizzi huwa ċittadin ukoll u li għandu dritt jirrikorri għall-qorti daqs ħaddieħor. Hekk kienu qalu meta, flimkien ma’ sħabu tal-klikka tal-Panama, appella minn sentenza tal-qorti li kienet iddeċidiet li għandha tibda’ investigazzjoni dwar ir-reati kriminali li wettqu.

M’għandiex xi ngħidu, bl-azzjoni li ħa, Mizzi mhux iħares id-drittijiet umani tiegħu qiegħed, iżda jimsaħ l-art bihom. Konrad Mizzi huwa Ministru tal-gvern li jgawdi minn impunità sħiħa u mill-appoġġ isteriku tal-kostitwenza tiegħu f’pajjiż fejn aktar ma jkun korrott, politiku aktar ikun popolari. M’hemmx dubju li, minkejja l-korruzzjoni u l-impunità, f’elezzjoni oħra jerġa’ jittella’ fil-Parlament bl-għeruq u x-xniexel.

Igawdi wkoll kenn politiku. Ministri oħra bħal Manuel Mallia, Godfrey Farrugia u oħrajn, tkeċċew fuq kwistjonijiet li kienu bil-wisq inqas gravi. Minkejja l-iskandlu tal-Panama, l-iskandlu tal-Vitals u l-iskandlu 17 Black, Joseph Muscat xorta baqa’ jagħtih il-kenn u allura jista’ jserraħ moħħu li s-setgħa li għandu hija garantita. Igawdi l-impunità wkoll għax jaf li l-Pulizija mhux se tmissu. Kummissarji tal-Pulizija, wieħed wara l-ieħor, lir-rapporti tal-FIAU dwar l-imġieba kriminali tiegħu tefgħuhom taħt it-tapit. Wieħed minnhom, li kien għamel karriera sħiħa jiġġieled kontra l-kriminalità, saħansitra dabbar rasu biex jevita li jibgħat għal Konrad Mizzi. U dak li nħatar floku, wara li kien stqarr li għandu grazzja mal-bajd ta’ Joseph Muscat, spiċċa ntagħżel hu biex żgur ħadd ma jkun jista’ għalihom. Konrad Mizzi huwa l-liġi u ‘l fuq minnha. Flimkien ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri u oħrajn tal-klikka, huma ħaġa waħda mal-Istat. Ebda istituzzjoni jew awtorità ma tista’ għalihom. Kif fakkruna dan l-aħħar żewġ Imħallfin irtirati, ebda Qorti ma tista’ taġixxi kontra xi ħadd li ma jkunx tressaq quddiemha mill-Pulizija u li inkjesta Maġisterjali ma tagħmilx tajjeb għan-nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet.

F’hiex jikkonsistu d-drittijiet tal-bniedem? X’inhi r-raġuni li dawn jinsabu protetti mil-liġijiet tagħna? Id-drittijiet tal-bniedem huma l-aħħar tarka ta’ protezzjoni għal dawk iċ-ċittadini li m’għandomx f’idejhom is-setgħat mogħtija mill-Istat sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet bażiċi ma jiġux imkasbra mill-azzjonijiet tal-Istat. Dan ifisser li minkejja li int bniedem fqir, mingħajr mezzi u mingħajr setgħa, ebda gvern ma jkun jista’ jgħaddi minn fuqek bħal romblu. Ma jistax joqtlok. Ma jistax jeħodlok ġidek mingħajr ma jikkumpensak. Ma jistax jagħmillek sarima ma’ ħalqek. Ma jistax jikkastigak għal xi ħaġa li stajt għamilt mingħajr ma jġib il-provi u mingħajr ma jkollok smiegħ xieraq.

Qegħdin tifhmu d-dinamika? Id-drittijiet tal-bniedem qegħdin hemm b’riżq dawk li m’għandhomx is-setgħa tal-Istat u biex iservu ta’ tarka kontra s-setgħana. M’għandniex xi ngħidu, kulħadd jista’ jmur il-qorti u jgħid li d-drittijiet umani tiegħu inkisru. U din hi r-raġuni għaliex Konrad Mizzi daħal il-Qorti. Mhux bi ħsiebni noqgħod nidħol fil-mertu dwar dak li qed jallega: għandi l-fehma tiegħi dwar dan u għandi mnejn nikteb dwarha darb’oħra. Iżda l-kwistjoni li għandna quddiemna tikkonsisti fil-fatt li Ministru tal-gvern – li għal raġunijiet li diġà semmejt għandu setgħa aktar minn normal – qed jeżerċita dritt li huwa intenzjonat għal dawk li m’għandhomx is-setgħa li għandu hu.

Ejjew ninżlu xi ftit fis-saltna tal-assurd. Kulħadd għandu dritt għall-edukazzjoni. Allura jien, bniedem ta’ 42 sena, jfettilli mmur fl-iskola primarja tal-gvern tal-lokalità tiegħi u nibda’ ninsisti li ningħata siġġu fil-klassi tal-istudenti miż-żgħar nett għaliex dan huwa “d-dritt tiegħi”.

Konrad Mizzi qed jilmenta mill-fatt li l-argumenti li ġab Simon Busuttil fil-qorti servew biex ħammġulu r-reputazzjoni tiegħu. Issa rridu niftakru li meta Simon Busuttil kien mar il-qorti, ir-reputazzjoni ta’ Konrad Mizzi diġà kienet fil-ħama minħabba l-iskandlu tal-Panama Papers li kienu kixfuħ bħala l-uniku Ministru mill-Unjoni Ewropea li, flimkien ma’ ħallelin oħra minn madwar id-dinja, ħeba fil-Panama ġid li qatt ma messu kien f’idejh. Qabel feġġ l-iskandlu tal-Panama, kien biss buffu. U mal-medda taż-żmien, sar buffu kriminali. Simon Busuttil ma seta’ jagħmel xejn biex is-sitwazzjoni jagħmliha agħar milli kienet għal Konrad Mizzi.

Kawża dwar id-drittijiet tal-bniedem ma tistax issir kontra bniedem ieħor. U jekk Konrad Mizzi jħossu offiż minn xi ħaġa li seta’ għamillu Simon Busuttil, jista’ liberament iħarrek lil Simon Busuttil. Iżda Konrad Mizzi mhux hekk għamel. Taħsbux li qed ngħaddikom biż-żmien: huwa ħarrek lill-gvern li huwa stess jifforma parti minnu bħala Ministru għaliex qed igħid li l-Qorti qiegħda tieħu wisq żmien biex taqta’ s-sentenza. M’għandniex xi ngħidu, xhur sħaħ ilu l-Qorti kienet iddeċidiet li huwa għandu jiġi nvestigat dwar reati kriminali. U kien hu li appella minn din is-sentenza. U kien hu li għamel l-isforzi kollha biex jassigura li l-appell jinstema’ minn imħallef li hu miżżewweġ lil kollega Laburista tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Konrad Mizzi dan kollu jafu. La qed jipprova jħares drittijiet li jidhirlu li għandu u lanqas m’hu jfittex li jħares ir-reputazzjoni tiegħu. L-intenzjoni tiegħu hi li jkompli jtawwal biex is-sentenza li diġà ngħatat mill-Qorti u li issa tinsab pendenti fl-appell, tibqa’ ma tiġix implimentata. Sentenza li kienet ordnat lill-Pulizija tinvestiga dak li l-iskandlu tal-Panama Papers kienu kixfu dwaru.

Hemm ukoll l-aspett komiku. Ftit ilu kont ktibt dwar ir-rwol pervers li għandu l-Avukat Ġenerali u dwar kif din is-sitwazzjoni hi waħda problematika għall-Kummissjoni ta’ Venezja. Araw ftit l-okkju tal-kawża li ppreżenta Konrad Mizzi: Konrad Mizzi vs Avukat Ġenerali. Ħarrek lill-Avukat Ġenerali għaliex l-Avukat Ġenerali huwa l-avukat tar-Repubblika ta’ Malta u tal-gvern li Konrad Mizzi jifforma parti minnu bħala Ministru. Dan il-gvern sab il-mezz kif jistupra lilu nnifsu. Konrad Mizzi huwa l-gvern jew huwa l-vittma tal-gvern? L-Avukat Ġenerali huwa l-avukat tal-konvenut jew tal-attur?

Il-Kummissjoni ta’ Venezja dan kollu sejjħitlu “problematiku”. Iżda fil-fatt huwa ħafna aktar minn hekk. Konrad Mizzi qed iwaqqa’ għaż-żuffjett il-kunċett tad-drittijiet tal-bniedem u jimmina l-ġustizzja.

Fil-frattemp, Konrad Mizzi u sieħbu Keith Schembri baqgħu jgawdu l-impunità: bħal Neruni, huma jdoqqu l-arpa waqt li l-pajjiż jinħaraq.