Qed jitfaċċaw riklami sponsorjati fin-newsfeeds tal-Facebook ta’ diversi Maltin ġejjin minn website falza tal-fake-news li ġġib l-isem organicdecors.com li fiha ritratt tal-prim ministru Joseph Muscat u li fiha hemm imħabbar “l-ikbar investiment s’issa f’Malta”.

Jekk jikklikkja fuq il-link mill-istess newsfeed, qarrej ikun jista’ jidħol f’paġna bl-URL www.organicdecors.com li, għal min mhux imħarreġ sew f’dan ir-rigward, tidher qisha pubblikazzjoni tas-CNN. Imbagħad ritratt ieħor ta’ Joseph Muscat jieħdok fuq storja bit-titlu “Il-Ministeru tal-Finanzi ta’ Malta Jħabbar l-Akkwist ta’ Startup li Jiswa’ $500 Miljun”. M’għandniex xi ngħidu, r-rapport mimli kif inhu bi propaganda favur Joseph Muscat, huwa wieħed falz.

Dan huwa każ klassiku ta’ fake news li tal-Facebook diġà mpenjaw ruħħom li jikkumbattuh wara li saritilhom pressjoni minn diversi gvernijiet li jinsabu mħassba bil-manipulazzjoni elettorali ta’ għaqdiet estremisti li qegħdin ixandru aħbarijet foloz permezz tal-media soċjali. Ħafna drabi din it-teknika qed tiġi wżata minn għaqdiet anonimi bl-iskop li jxandru qlajjiet u gideb dwar avversarji politiċi jew biex imexxu ‘l quddiem fehmiet politiċi ta’ natura estremista.

Tal-Facebook jiddependu minn dawk li jużaw din il-media soċjali għall-irrappurtar ta’ stejjer li jixxandru u li jammontaw għal fake news u jimpjegaw eluf ta’ persuni li xogħolhom huwa li jgħarblu l-posts li jkun fihom kliem ta’ mibgħeda, aħbarijiet foloz jew propaganda estremista.

Jidher li s’issa, tal-Facebook għadhom m’armawx biex jibdew jiġu mgħarbla posts miktubin bl-ilsien Malti. Fil-frattemp, xi ħadd f’Malta jidher li qed jonfoq il-flus biex jixxandar il-fake news. Posts fil-Facebook li jkunu sponsorjati jeħtieġ li jkunu marbutin ma’ credit card account. Dan ifisser li m’għandux ikun diffiċli għall-Pulizija li ssir taf l-identità ta’ min ikun għamilha ta’ sponsor għal dawn l-aħbarijet foloz.

Din il-website tinsab infurmata li tal-Facebook irċevew ilmenti ta’ ‘fake news alert‘ dwar dawn il-posts u suppost għandhom f’idejhom ir-records kollha biex dawn jiġu mgħoddija lill-Pulizija kemm il-darba din titlobhom mingħandhom.

Dan l-inċident għalissa forsi jista’ jidher bħala wieħed li qajla għandu jingħata importanza. Madankollu l-użu tal-aħbarijiet foloz fuq il-media soċjali jista’ jħalli effett negattiv fuq il-kors normali tal-kampanji politiċi u fuq l-elezzjonijiet li f’Malta ta’ spiss iqanqlu l-emozzjonijiet anki mingħajr din il-kumplikazzjoni.