Andrew Borg-Cardona llum kien fl-Awla tal-Qorti fejn Matthew Caruana Galizia xehed dwar il-memorji tiegħu tal-jum li fih ommu nqatlet b’karozza bomba.

Illum kont il-Qorti għall-kumpilazzjoni tal-evidenza dwar l-allegati qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia.  Is-soltu ma nattendix għal dan it-tip ta’ każijiet, għax ma nispeċjalizzax f’dan il-qasam ta’ liġi, iżda għal raġunijiet ovvji, huwa importanti li fejn nista’, nagħti s-sapport morali tiegħi.

Illum kien wieħed minn dawk il-jiem: kien imiss jixhed Matthew Caruana Galizia.  Sintendi, il-kawża ma kinitx biss qed issir għal din ix-xhieda, u kien hemm għadd ta’ argumenti irritanti dwar xi data li l-kellha tippreżenta l-Vodafone u li għal xi raġuni ma setgħetx, iżda dan, meta tara l-istampa kollha, huwa biss dettall li qajla jiswa.

Meta fl-aħħar issejjaħ Matthew (nista’ nsejjaħlu b’ismu, ta’ mpar ibni), l-Isp. Arnaud mexxieh pass pass tul dak li ġara dakinhar.  Tistgħu taqraw is-sommarji fuq portali oħra, xogħli hawn illum huwa li nipprova niddeskrivi, aktarx bla ma jirnexxili, l-atmosfera hemm ġew, aspett li m’għandu l-ebda interess legali iżda li jeħtieġ jasal hemm barra.

Għax ejja ma ninsewx li hawn qed nitkellmu dwar żagħżugħ jiddeskrivi l-jum li ommu nqatlet brutalment ftit mijiet ta’ metri ‘l bogħod minn darhom.  Ma tistax toqrob iktar minn hekk biex ikollok xhieda ħajja ta’ dak li ġara, u nemmen li n-nies hemm bżonn infakkruhom x’ġara nhar is-16 t’Ottubru 2017, għall-ħabta tat-3pm, fil-Bidnija, limiti tal-Mosta.

Hu u jixhed bl-Ingliż, Matthew beda billi rrakkonta l-fatti banali ta’ kif għaddiet dik il-ġurnata sa’ ftit qabel it-3pm, qabel il-banali sar il-waħx, dak li lanqas tazzarda taħseb fih.  Qal lill-Qorti li hekk  kif sema’ l-isplużjoni, ħareġ jiġri barra, hu u jżomm lill-klieb milli jsegwuh.  Lill-Qorti qalilha kif it-triq, is-siġar fil-viċin, il-ħdura fl-għelieqi tal-madwar kienu ħuġġieġa waħda, qalilha dwar l-orrur tiegħu hekk kif irrealizza li dik kienet il-karozza t’ommu u dwar kif ra l-fdalijiet ta’ ġisimha.

Kważi kważi m’hemmx għalfejn ngħid li l-Qorti kienet siekta matul dan kollu:  il-familja, xi ftit membri tal-istampa u xi ħbieb biss kien hemm ġewwa, minbarra l-parteċipanti tal-kawża.  Kważi kważi lanqas m’hemm għalfejn ngħid li l-biċċa kbira minna kellna għajnejna fid-dmugħ, aħna u nisimgħu lil Matthew jagħti rendikont tal-jum meta dinjietu u dinjet familtu nqalbet ta’ taħt fuq.

Madankollu, hemm għalfejn ngħidhom dawn l-affarijiet u nisħaq – mingħajr ma nġegħelu jistħi – kemm Matthew ġab ruħu b’mod dinjituż u b’saħħtu.

Ħadd m’għandu għalfejn jistagħġeb meta tara kif ġabu ruħhom hu, ħutu s-subien u missierhom, kif ukoll il-bqija tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, tul din is-sena u iktar ta’ tbatija, tul din is-sena u iktar ta’ insulti kattivi u ta’ insinwazzjonijiet ħodor mit-trolls tal-Labour, imħeġġa mill-atteġġjamenti spreġjevoli spjegati tant tajjeb f’dan il-portal u f’TheShiftNews.com u xi kultant anki f’oqsma oħra tal-midja.

Is-skiet tal-Awla tal-Qorti nkiser, ġustament, meta d-difiża bdiet issaqsi mistoqsijiet tat-tip “Għaliex ħallejt il-karozza pparkjata quddiem il-grada?” u “Għaliex il-laptop ingħata lill-pulizija Ġermaniza?”  Il-Maġistrat mill-ewwel waqqaf milli jsiru dawn il-mistoqsijiet, iżda mhux qabel ma ħareġ id-diżgust ta’ dawk kollha preżenti.

Meta wieħed jaħseb ftit, xejn m’għandu għalfejn jistagħġeb li ġara dan, għax dawn huma propju mistoqsijiet li jistaqsu t-trolls tal-Labour u li ġeneralment jitqiesu bħala forma estrema ta’ kif jiddevjaw u kif iwaħħlu fil-vittma.