Stqarrija ta’ Repubblika:
Ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa jirrifletti t-tħassib li għandha Repubblka fuq in-nuqqas ta’ strutturi demokratiċi b’saħħithom f’Malta.
Demokrazija ma tfissirx biss elezzjonijiet kull ftit snin: hemm bżonn ukoll strutturi kostituzzjonali li jassiguraw separazzjoni tal-poteri u sistema b’saħħitha ta’ kontrolli u bilanċi.
Il-Kummissjoni kkonfermat dak li ilna nafu: li Malta għadha lura ferm milli tilħaq dan il-għan.
F’pajjiżna, minflok, wisq poter hu kkonċentrat f’idejn persuna waħda – il-Prim Ministru – sitwazzjoni li tagħti lok għal abbuż lampanti ta’ poter.
Ir-rapport jixhed li l-ġudikatura Maltija mhijiex verament indipendenti, u li ma tistax tkun sakemm l-għażla ta’ mħallfin u maġistrati tibqa’ għad-diskrezzjoni tal-gvern. Repubblika tilqa’ l-fatt li l-iskużi li l-gvern ġab biex jiddefendi dan l-arranġament ma kinux aċċettati mill-Kummissjoni.
Is-sitwazzjoni anomala tal-Avukat Ġenerali – li mhux biss ikopri r-rwol ta’ konsulent legali għall-gvern, imma hu wkoll responsabbli għall-prosekuzzjoni tal-aktar atti kriminali serji, hi wkoll imsemmija fir-rapport.
Naqblu mal-proposta tal-Kummissjoni li jkun hemm prosekutur pubbliku indipendenti, li jkun ukoll responsabli għall-prosekuzzjoni tal-każijiet li tieħu ħsieb il-pulizija.
Il-Kummissjoni ukoll tinnota li għalkemm il-Parlament teknikament iservi ta’ kontroll fuq il-poter eżekuttiv, dan il-kontroll hu prattikament nominali, u tikkritika l-prattika riċenti li backbenchers tal-gvern jinħatru biex imexxu entitajiet pubbliċi, u b’hekk jirċievu salarju ġeneruż addizzjonali.
Repubblika tilqa’ l-istqarrija tal-Kummissjoni li l-medja u s-soċjetà ċivili huma essenzjali għad-demokrazija, kif ukoll it-talba tagħha għal investigazzjoni sura biex tiddetermina jekk l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat b’xi mod mill-awtoritajiet.
Il-Kummissjoni ta’ Venezja, li hi magħmula minn esperti indipendenti fuq liġi kostituzzjonali, ġiet imwaqqfa wara l-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin, meta ħafna pajjiżi Ewropej kellhom bżonn l-għajnuna biex jimxu l-bogħod mill-awtoritarjaniżmu u l-abbuż tal-poter. Wara kważi 30 sena, hu ta’ dispjaċir kbir li tinnota li fir-rapport tagħha fuq Malta, il-Kummissjoni tidher li sabet territorju familjari.