Ta’ sikwit igħaddili minn moħħi l-ħsieb dwar jekk jienx l-uniku li ninsab ixxukkjat. U mbagħad malajr nibda noqgħod lura milli nagħti każ.

Din il-ġimgħa, Carmel Degabriele ppreżenta r-rapport annwali tiegħu fil-Parlament. Dan is-sinjur huwa r-regolatur tal-programm tal-bejgħ tal-passaporti u l-liġi tobbligah li jippreżenta rapport kull sena dwar it-tħaddim tal-iskema. Ir-regolatur mhux qiegħed hemm biex imexxi l-iskema jew biex iżid il-bejgħ tal-passaporti. Suppost qiegħed hemm biex jassigura li l-iskema titmexxa skond il-liġi. Mir-rapport tar-regolatur, spikkaw żewġ affarijiet li l-ġurnali ndunaw bihom mill-ewwel.

L-ewwel. Ir-regolatur qed jipproponi li l-identità ta’ min jixtri passport Malti għandha tibqa’ mistura. Dan diġà huwa l-każ: l-isem ta’ min jixtri passaport Malti qed tiddaħħal fil-lista taċ-ċittadini ġodda u qed titħallat mal-ismijiet ta’ dawk li jakkwistaw passaport jew għax ikunu żżewġu lil xi ħadd Malti, jew għax ikunu wirtu n-nazzjonalità Maltija u jew għax ikunu għexu hawn għal ċertu żmien. Din il-lista hi rranġata f’ordni alfabetika skond l-isem u mhux skond il-kunjom. Kull meta jsiru talbiet biex, taħt il-freedom of information, wieħed ikun jista’ jifhem aħjar min huma dawk kollha li madwar id-dinja qed isejjħu lilhom infushom bħala Maltin, dawn il-talbiet qed jiġu miċħuda. U jidher li dan Carmel Degabriele huwa kburi b’din is-sitwazzjoni. Fil-fatt hekk kiteb fir-rapport tiegħu. Issa qed jissuġġerixxi li saħansitra anki l-pubblikazzjoni tal-ismijiet ta’ dawk li jixtru l-passaporti għandha tinżamm biex b’hekk l-identità tagħhom żgur tibqa’ mistura. ‘Dan ma jfissirx li kull min japplika biex jixtri passaport ikollu xi ħaġa x’jaħbi,’ qalilna r-regolatur. Iżda dan jeħtieġ li jsir biex tiġi rispettata l-privatezza. M’għandniex xi ngħidu, skond dan l-għaref kull min jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ mezzi normali – jiġifieri ma jkunx ħallas miljun ewro – ma ħaqqux l-istess dritt għall-privatezza.

It-tieni. Carmel Degabriele ħadha kontra l-banek Maltin talli dawn qed jinsistu li, lil dawk il-klijenti li jkunu jridu jixtru passaport, igħadduhom mill-għarbiel. Dan l-għarbiel m’għandhomx x’iriduh, qalilna, għax wara kollox l-għarbiel li qed jużaw ta’ Henley & Partners huwa wieħed rinomat mad-dinja. Lanqas titwemmen li r-regolatur tant jinsab maqtugħ mir-realtà li ma jafx x’inhu jgħid. X’aktarx li Carmel Degabriele għadu ma semgħax dwar il-mod kif id-dinja tqis lil Henley & Partners. Nissuġġerilu jaqbad jaqra’ r-rapport tal-House of Commons fir-Renju Unit dwar il-qerq u aħbarijiet foloz. Sezzjoni 6 tar-rapport tittratta dwar il-mod kif SCL immanipulat l-elezzjonijiet permezz tal-id moħbija ta’ Christian Kaelin, Chairman ta’ Henley & Partners. Lil dan Kaelin – magħruf bħala Mr Passports –  id-dinja tqisu bħala manipulatur prim li, bis-saħħa tal-flus, irnexxielu jaħtaf taħt idejh ir-riedni ta’ diversi repubbliki tal-banana madwar id-dinja. Min jixtri l-passaporti, d-dinja ma tqisux bħala bniedem li jkollu xi affinità mal-pajjiż li tiegħu ikun ċittadin, iżda bħala bniedem li t-tir tiegħu jkun dak li jwettaq dak kollu li l-pajjiż twelidu ma jippermettilux li jwettaq u ma jħalliħx igħaddiha lixxa. Carmel Degabriele jmissu jkellem lill-operaturi ta’ negozji f’oqsma oħra u jistaqsi lilu nnifsu x’kapaċi jħossu dawn meta jitfaċċa regolatur li jitkellem għan-nom tagħhom biex iġiegħel lill-banek jaċċettaw lil flushom mingħajr ma dawn jiġu mgħoddija mill-għarbiel. Dawn huma negozji leġittimi li bħalissa qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar u saħansitra wħud qed ifallu minħabba l-kontrolli u l-proċeduri iebsa li qed jimponu fuqhom il-banek, li minn naħa tagħhom jinsabu taħt pressjoni kbira minn banek minn madwar id-dinja.

Nistaqsi: jaf Carmel Degabriele x’qiegħda tikkawża din il-pressjoni kollha fuq il-banek tagħna? Din il-pressjoni kollha ġejja minħabba l-eżistenza tal-iskema tal-IIP u minħabba l-fatt li Malta qed taċċetta bil-għama flejjes ta’ biljunarji li — skond kif qiegħed kliemu fir-rapport — m’għandhomx x’jaħbu, iżda li xorta waħda jkunu jridu li jaħbu. Dawn ikunu jridu jaħbu l-isem ta’ pajjiż twelidhom u l-identità oriġinali tagħhom u joħolqu identità ġdida f’Malta. Iżda dan kollu jkunu jridu jwettquh bil-moħbi. Carmel Degabriele donnu m’huwiex konxju tal-fatt li l-banek tagħna diġà qegħdin igħumu f’baħar ta’ inkwiet għaliex jinsabu taħt suspett li qegħdin jaħdmu bi flejjes maħmuġin. Lin-nies, il-banek qegħdin iġennuhom bid-dokumentazzjoni kollha li qegħdin jeżiġu anki għal biċċa negozju normali. Dawn m’għadhomx jaħdmu ma’ xi pajjiżi b’ċerti denominazzjonijiet ta’ flus barranin u b’azzjonijiethom qed iżidu l-ispejjeż tan-negozji u jeffettwaw ħażin il-kompetittività ta’ Malta. Ħafna minn dan kollu kaġun tal-ħsara li l-iskema tal-passaporti għamlet lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Din il-ħsara għadha għaddejja ġmielha. Dan l-aħħar żort appartament f’kantina f’San Ġwann li l-bieb ta’ barra tiegħu huwa mmarkat b’żewġ numri: 9A u 9B. F’numru 9A suppost joqgħod sinjurun Russu li huwa sid ta’ ħwienet li minnhom jinbiegħu ħwejjeġ sportivi u f’9B — l-istess bieb iżda b’numru differenti — suppost joqgħod sinjurun ieħor mill-Emirati, sid ta’ proprjetajiet li jiswew ammonti kbar ta’ flejjes. Dawn it-tnejn suppost qed igħixu flimkien f’appartament kantina f’San Ġwann. Il-ġirien qaluli li qatt ma raw lil ħadd f’dan l-appartament. Wieħed mill-ġirien, hekk kif ġie nfurmat dwar kemm hu sinjur ir-raġel mill-Emirati, staqsa jekk dan ir-raġel huwiex għażeb. Din hija gidba. Tkun qed tikser il-liġi jekk tigdeb li qed tgħix Malta meta fil-fatt ma tkunx. Carmel Degabriele huwa r-regolatur u prattiċi bħal dawn suppost qed jara li ma jseħħux. Minflok qed jagħmel dan, qed jipproponi li jkun hemm segretezza akbar sabiex min ikun irid jaħbi, ikun aktar faċli għalih li jaħbi.

Dan l-appartament f’kantina li jinsab f’San Ġwann għandu jqajjem l-interess tal-ġurnalisti minn madwar id-dinja għaliex mhix ħaġa ta’ barra minn hawn jekk min m’hux iħabbel rasu li jigdeb li qed jgħix f’post ma’ ħaddieħor f’San Ġwann, qed jigdeb ukoll dwar affarijiet oħra. U ma tkunx ħaġa kbira jekk il-gvern ta’ Malta, li qed igħatti l-gideb u x-xtur dwar is-suppost residenza tagħhom f’San Ġwann, qiegħed igħatti affarijiet oħra wkoll. Din appuntu hi r-raġuni għaliex l-banek m’humiex daqstant impressjonati bl-għarbiel “rinomat” ta’ Henley & Partners. Barra minn hekk, meta nbiegħu l-passaporti, ma tantx għandna biex niftaħru bil-kwalità tal-għarbiel li jintuża biex jintagħżlu l-applikanti. Carmel Degabriele jmissu jaf aħjar milli joqgħod jimpressjona ruħu b’dak li m’hu xejn ħlief propaganda.

Il-qofol tal-kwistjoni kollha huwa dan: ġaladarba r-regolatur imwaqqaf b’liġi qed jaġixxi fl-interess tal-promoturi tal-iskema, min qed jagħmel l-għassa mar-regolatur biex jara li l-ħidma tiegħu tkun waħda skond il-liġi? Jien m’għandi xejn personali kontra Carmel Degabriele. Bħala membru tas-servizz ċivili, nifhem li dan is-sinjur huwa mħarreġ f’kultura li tkun trid tara li l-gvern tal-ġurnata jkun moqdi u li l-politika tiegħu tkun implimentata. Iżda għandu jifhem li r-rwol li għandu bħalissa huwa wieħed differenti. Il-lealtà tiegħu mhux suppost tkun lejn il-politika tal-gvern tal-ġurnata iżda lejn dak li tipprovdi l-liġi. Iżda anki jekk din hi l-lealtà li għandu, xorta waħda nibqa’ b’riżervi kbar għaliex jien ma naqbel xejn anki mal-idea tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Carmel Degabriele qed ikun kompliċi fil-frodi istituzzjonali li qed immexxu meta “ngħalqu għajn waħda” fil-konfront ta’ applikanti li jigdbu meta jgħidu li huma residenti f’Malta. Fil-frattemp, filwaqt li qed nipprovdu passaporti li persuni li qatt ma jirfsu fuq artna, qed imwarrbu dawk l-immigranti li għandhom impenn veru lejn Malta. Din il-ġimgħa stess, it-talba ta’ Amerikan biex jingħata ċittadinanza Maltija – persuna li nvesta f’Malta, ħaddem in-nies, bgħat lil uliedu fi skejjel u għex f’Malta għal ħames snin – ġiet miċħuda. Iżda meta x-xaħam ikun f’karti ta’ flus kontanti, naħsbuha sewwa u min japplika ma jkollux għalfejn jiftaħ negozju.

Dan mhux importanti. Kull ma rridu huma karti ta’ flus kontanti.