Stqarrija ta’ Repubblika illum:

Repubblika tisqarr li persuni f’karigi pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju pożititiv għall-bqija taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin billi f’kull waqt, sew fir-rwol pubbliku tagħhom kif ukoll fil-ħajja privata tagħhom iġibu ruħhom b’mod skont l-ogħla kriterji ta’ imġiba. Pajjiżna jixraqlu li jkollu politiċi u persuni f’karigi pubbliċi li jimxu skond l-ogħla standards ta’ imġiba xierqa.
Repubblika tisħaq illi l-imġiba fil-privat tal-politiċi u ta’ persuni oħra bi rwol pubbliku għandhom effett fuq il-funzjonijiet pubbliċi tal-istess persuni u għalhekk huwa dejjem meħtieġ skrutinju pubbliku tal-imġiba tagħhom. Dan dejjem irid isir b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet u l-ħtiġijiet ta’ persuni vulnerabbli li jistgħu jkunu nvoluti.

Repubblika temmen ukoll li persuni f’karigi pubbliċi għandhom minn jeddhom jiżguraw li meta jkunu nvoluti f’imġiba li dwarha jsiru allegazzjonijiet serji, huma għandhom ipoġġu l-interessi tas-soċjetà l-ewwel u qabel kollox u jevitaw għal kollox li jkunu ta’ piż fuq l-istituzzjoni li huma ġew fdati biex imexxu. Hekk biss jista’ jiġi żgurat li persuni f’karigi pubbliċi jkunu qed iservu u mhux biex jisservew bil-kariga fdata lilhom.