Waqt il-programm televiżiv ta’ Ivan Grech Mintoff li matulu ssemmew dettalji dwar iż-żjara li għamel Neville Gafà fil-Libja, Grech Mintoff qal li Gafà kien akkumpanjat minn ċertu Kenneth Camilleri. Ivan Grech Mintoff igħid li l-kuntatti tiegħu fil-Libja qalulu dwar il-preżenza ta’ Kenneth Camilleri u żiedu jgħidu wkoll li Camilleri ma riedx jikkonferma li huwa jagħmel parti mis-servizzi sigrieti ta’ Malta.

Din il-website tinsab infurmata li ċertu Kenneth Camilleri huwa tabilħaqq impjegat b’responsabbiltà li jieħu ħsieb is-sigurtà tal-Prim Ministru u li għal diversi drabi akkumpanja lill-Prim Ministru waqt żjarat barra minn Malta. U għal diversi okkażjonijiet, mal-Prim Ministru siefer armat.

Il-gvern għadu m’għamel ebda kumment dwar l-allegazzjonijiet estensivi li għamel Ivan Grech Mintoff fuq it-televiżjoni. Jekk verament Neville Gafà kellu miegħu uffiċjal tas-sigurtà waqt li kien il-Libja, m’huwiex minnu dak li stqarr Gafà fis-sens li kien żar Tripli għal btala.

Jinbtu mistoqsijiet oħra wkoll: ġaladarba l-imgħallmin politiċi ta’ Neville Gafà kellhom jitolbuh spjega dwar din is-safra, jekk verament kellu miegħu uffiċjal tas-sigurtà dan ifisser li l-presenza ta’ dan l-uffiċjal kienet ġiet awtorizzata. Għalkemm issa għaddew diversi ġranet minn meta l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin lill-gazzetta The Sunday Times of Malta qalilha li Neville Gafà se jiġi mitlub jagħti spjega dwar is-safra li għamel u dwar il-laqgħat li kellu ma’ Ministri u uffiċjali tal-gvern Libjan, il-Ministeru għadu ma ma ħareġ ebda stqarrija dwar l-ispjega li ngħatat minn Gafà.