L-għanqbuta tal-għasel,
B’għan u skop li jgħaġġbek.
Nirreklamaw il-pajjiż qisu ġenna fl-art,
Nispekulaw bla qies, art il-ħela u l-iskart.
Jiġu, jiġu biex ifittxu ħajja aħjar,
Mingħalihom li ħa jsibu l-ġid, forsi jduqu l-kavjar;
Mur fehmom li l-liġi taqdi biss lil kbar.
Mur spjegalhom li fejn ġew probabbli agħar,
Daħħala f’rashom li għandhom ħajjithom bid-dejn,
Nies li ġew hawn għal futur aħjar,
Iżda ħa jmutu mingħajr ‘qas biss ikunu faddlu xejn.
Kera tad-dar li tifga lil dak li jkun,
Taqbdek minn għonqok u tagħsarlek il-pulmun.
Ngħidulek li hawn xogħol ghal kullħadd,
Nigdbulek li hawn irwol għalik f’dan l-istat;
Imbagħad tirrealizza li l-pagi huma pastażata,
Tanalizza l-fatt li s-sinjuri għamlu straġi,
Li s-sistema’ hija totalment kazzata.
Iżda dan huwa kollhu tiżjin,
Gidba oħra f’art is-serenita’,
Mixtrija bil-but mxaħħam bit-tixħim,
Miżjuda f’moħħna minn nies ħallelin.
Fin fin, mal-ħin,
Lejn is-saturazzjoni mexjin –
Bil-mod il-mod,
Lejn inkoronazzjoni resqin.
Diga’ sirna sudditti ta’ ċertu familji,
Is-sidien ta’ Malta; sa fejn jidhirli,
Lil politikanti u lil ministri
Ivvutajnilhom biex jirrappreżentaw lilek u lili,
Mhux biex japprofittaw ruħhom u jagħmlu l-liri.
Malta, l-għanqbuta tal-għasel.
Mela, hawn ejja ta’, ara x’tagħmel…