Joseph Muscat ġie mitlub jikkummenta dwar dak li kiteb Franco Debono fejn ġie mixli li huwa sid l-Egrant jew qrib is-sid ta’ din il-kumpannija u li hu l-aktar prim ministru korrott fl-istorja ta’ Malta.
Joseph Muscat superfiċjalment wieġeb li dak li ntqal dwaru kien “libertà tal-kelma”.
Tweġiba bħal din tħalli bla kliem lil min ikun lest biex jagħmillu mistoqsija oħra. X’mistoqsija oħra taqbad tagħmillu? Tistaqsi lill-prim ministru huwiex fis-sakra jew taħt l-influwenza tad-droga? Tistaqsih jekk fiehemx sew il-mistoqsija jew hux mingħalih qed iwieġeb għal xi mistoqsija mill-kwizz fuq in-Nickelodeon? Tistqasih kellux fil-fatt iwieġeb “42”?
Il-liberta’ tal-kelma x’għandha x’taqsam jewwilla?
Lil hinn minn dawn il-kummiedji u teatrini, hemm ukoll kwistjonijiet oħra li jintnu seba’ pesti. Għaliex aktar milli wieħed jiskanta b’ċerti pożizzjonijiet li jieħu Joseph Muscat, wieħed ma jistax ma jintebaħx bin-nuqqas ta’ ġustizzja li fuqhom jibbaża l-pożizzjonijiet li jieħu.
Meta l-Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono – persuna maħtura mill-gvern ta’ Joseph Muscat bis-setgħa li jwarrab dawk il-liġijiet li jiksru l-Kostituzzjoni jew id-drittijiet tal-bniedem – jikteb li Joseph Muscat huwa bniedem korrott li hu sid jew qrib is-sid kumpannija fil-Panama li nħolqot bil-moħbi biex fiha tirċievi flejjes ġejjin mit-tixħim, skond Joseph Muscat din hi l-“liberta’ tal-kelma”.
Iżda meta Daphne Caruana Galizia tikteb l-istess ħaġa, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. U saħansitra wara mewtha, uliedha jeħtieġ li jħallsu d-danni lil prim ministru talli din kitbet ħaġa simili fil-konklużjoni li kienet ġibdet. Ix-xiljiet li kienet għamlet Daphne Caruana Galizia kienu msejsa fuq investigazzjonijiet serji kkonfermati minn xhieda li wasslu għall-għeluq ta’ bank li kien allegatament għatta xtur Joseph Muscat.
Tgħid Joseph Muscat irid igħidilna li Daphne Caruana Galizia ma kellhiex l-istess drittijiet fundamentali li għandu Franco Debono?
Hekk jidher. Għaliex id-drittijiet tal-bniedem qegħdin hemm għall-bnedmin mhux għas-sħaħar.