Il-Partit Nazzjonalista jinsab eżatt fejn iriduh tal-Labour: tant jinsab lura li għadu stordut.

Mir-riżultat tas-sondaġġi li xandar illum il-ġurnal MaltaToday, jirriżulta li għal kull persuna li bi ħsiebha tivvota PN, hemm tnejn li ser jivvotaw Labour. U n-numru ta’ dawk li mhux bi ħsiebhom jivvutaw – jiġifieri 13% – baqa’ stabbli. Dawk li m’humiex ċerti kif ser jivvutaw issa kważi rdoppja u dawn jammontaw għal madwar kwint ta’ dawk li ġew intervistati. Ir-riżultati li kisbu tal-PD u tal-AD baqgħu negliġibbli.

Ir-riżultati juru wkoll li, kieku l-PN ikollu l-ħila li jżomm flimkien lill-votanti tiegħu, jista’ saħansitra jgħaddi lil tal-Labour. Iżda l-votanti tal-PN huma maqsumin fi tliet gruppi: grupp imdaqqas għadu jappoġġjah, grupp ieħor mhux lest li jivvutalu u t-tielet grupp jikkonsisti f’dawk li għadhom bejn ħalltejn.

Nieħdu b’eżempju lil dawk li fl-2017 ivvutaw PN. Illum 42% minn dawn igħidu li m’humiex lesti li jivvutaw PN. Wħud minnhom se jivvutaw Labour jew lil PD. Numru mdaqqas ta’ dawn in-nies jigħid li m’humiex ser jivvutaw. U kwint minn dawn m’humiex ċerti x’ser jagħmlu.

Hemm spjegazzjoni faċli għal dan kollu. Il-PN qed jidentifika ruħu wisq mal-mexxej tiegħu Adrian Delia u n-nuqqas ta’ popolarità tiegħu qed tniżżel lill-partit fil-qiegħ miegħu.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li vvutaw PN fl-2017 lil Adrian Delia ma jafdawħx. Hemm 53% li jew jafdaw aktar lil Joseph Muscat jew igħidu li ma jafdaw lil ebda wieħed minnhom jew inkella m’humiex ċerti lil min għandhom jafdaw.

Adrian Delia mhux biss qed jitlef votanti li s-soltu kienu jivvutaw lill-partit tiegħu: kważi ebda wieħed minn dawk li ma vvutax PN fl-2017 igħid li jafdah. Lanqas biss jissemma’ minn dawk li vvutaw Labour fl-2017 u jissemma’ minn numru ċkejken ħafna minn dawk li ma vvutawx fl-2017.

Bħalma jiġri kull xahar, issa se jkun hemm is-soltu kontroversji. Min jaħti għall-fatt li l-PN mhux biss tilef ir-rilevanza tiegħu fil-kamp politiku iżda tilef ukoll il-ħila li jisfida lil tal-Labour fit-tellieqa għall-poter, tant li l-pajjiż spiċċa b’partit wieħed?

Dan m’hu rilevanti xejn

Partit politiku m’huwiex patologu forensiku. L-akkademiċi u l-kummentaturi biss għandhom il-ħila li jispjegaw ir-raġunijiet għaliex tkun seħħet mewta.

Xogħol partit politiku hu dak li jippreżenta ruħu bħala għażla vijabbli għaċ-ċittadini.

X’jeħtieġ li jseħħ biex il-Partit Nazzjonalista jibda’ jintebaħ li vot unanimu stil Sovjetiku fil-Kumitat Eżekuttiv b’vot meħud bl-idejn ma jrebbaħlux l-elezzjonijiet?

X’jeħtieġ li jseħħ biex il-Partit Nazzjonalista jintebaħ li lanqas jekk ikollu l-appoġġ ta’ dawk kollha li vvutawlu fl-2017, dan ma jkunx biżżejjed biex iġib riżultat aħjar mill-aħħar telfa umiljanti li kellu? U issa lanqas għandu l-ħila li jiġbor warajh nofs dan il-grupp ta’ nies biex jgħidu li għandhom fiduċja fil-mexxej.

X’jeħtieġ li jseħħ biex dan il-partit politiku jkun jixraqlu li jerġa’ jissejjaħ hekk?