Dalgħodu ktibt dwar il-kritika ammirevoli lir-razzisti li għamlet bint il-vittma Malti tal-attakk terroristiku talli dawn waħħlu f’kull min hu mis-Somalja għall-qtil ta’ missierha li kien għadu kemm twettaq minn Somalu.

Min jirraġuna b’dan il-mod jien sejjaħtlu ċuċ. U Jean Claude Micallef dlonk tfaċċa fix-xena.

Dan il-post ittella’ fl-istess ħin li jien ktibt il-blogpost tiegħi dalgħodu. Bil-Facebook ma tistax tkun taf eżatt il-ħin meta jittella’ post u għalhekk ma nafx jekk kitibx il-ħmerijiet li kiteb wara li kien diġà qara dak li ktibt jien. Issa Jean Claude Micallef jaqrax il-blogposts tiegħi jew le, jien ma nafx.

L-aħħar darba li kont ktibt xi ħaġa dwar dak li kien kiteb Jean Claude Micallef fil-Facebook, kien ħa għalih għax sejjaħtlu ipokrita. Għamilli libell fil-qorti fejn qal li jien kont qed nimmiżinterpreta l-intenzjoni wara dak li kien kiteb hu u li jien tant kont kiefer miegħu li stajt telliftlu l-impjieg.

Il-kuntest kien iż-żmien immedjatament wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar ħmerija li kien lissen dwar dan, u jien kont ġbidt l-attenzjoni li l-kwistjoni ma kinitx biss minħabba li l-ħmerija li kien qal. Lanqas kien il-fatt li Micallef huwa politiku tat-tieni klassi fil-Partit Laburista. Il-kwistjoni li qajjimt kienet dwar il-fatt li dan il-bniedem jaħdem ta’ xandar fuq it-televiżjoni nazzjonali u li kull imgħallem serju fid-dinja kien ikeċċieħ dak il-ħin stess minħabba t-tip ta’ rimarki li għadda.

Lill-Qorti kelli noqgħod nispjegalha li x-xandara pubbliċi suppost huma marbutin b’regoli dwar l-etika, u li dawn igħoddu wkoll għax-xandara Maltin. U għaliex Jean Claude Micallef – li jagħmel parti mill-klikka Tagħna Lkoll – jippretendi li r-regoli ma jgħoddux għalih ukoll, dan ma jfissirx li dawn ir-regoli ma jeżistux u li għandna nagħlqu għejnejna kull meta jiksirhom.

Allura kull xandar pubbliku fid-dinja ċivilizzata li jidher kuljum fuq it-telviżjoni u li jikteb posts razzisti fil-media soċjali bħal dawk li kiteb illum Jean Claude Micallef jitkeċċa mingħajr telf ta’ żmien.

Illum Jean Claude Micallef kiteb li għandha tintrefa’ responsabbilta’ kollettiva minn ġens sħiħ għal delitt mwettaq minn grupp ta’ terroristi mill-istess ġens. Dan kiteb li għandhom ipattu għal dan il-qtil nies li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-qtil u ħeġġeġ lill-gvern Malti biex iwaħħal piena lin-nies ta’ nazzjonalita’ Somala li qed igħixu Malta għal qtil li seħħ 5,000 kilometru ‘l bogħod f’Mogadishu. Kiteb ukoll li għandha ssir tpattija fuq persuni innoċenti, li wħud minnhom huma vittmi diretti jew indiretti tal-istess organizzazzjoni li wettqet id-delitt.

Fl-2017 Jean Claude Micallef tellagħni l-Qorti talli sejjaħtlu ipokrita.

Ħa naraw x’se jagħmel issa li sejjaħtlu razzist. Ma sejjaħtlux “razzist ċuċ” għax m’hemmx distinzjoni bejn razzist u ieħor. Iżda m’hemmx dubju li huwa ċuċ ukoll.