Il-gvern se jagħmel minn kollox biex l-iskandlu tal-korruzzjoni dwar it-tonn jinżamm strettament fuq livell amministrattiv. Il-phone records li xxandru l-bieraħ mill-istampa Spanjola jittrattaw dwar impjegata fis-servizz ċivili u, minn dak li sirna nafu s’issa, xxaħħmet biex tgawdi hi u ma xxaħħmitx ukoll għan-nom ta’ ħaddieħor.

Iżda hawn jeżistu l-kumplikazzjonijiet. Fl-2010, Andreina Fenech Farrugia kienet diġà tkeċċiet mill-kariga li kellha sal-bieraħ u li issa ġiet sospiża minnha. Kienet tkeċċiet mhux minħabba korruzzjoni iżda minħabba nuqqas ta’ ħila. Joe Caruana, impjegat ieħor fis-servizz ċivili, kien intagħżel biex jieħu postha u biex jirranġa t-taħwid li Andreina Fenech Farrugia kienet ħalliet warajha. Il-ħatra ta’ Joe Caruana ma kinitx xi ħatra politika minn naħa tal-gvern Nazzjonalista. Dan kien fdat biżżejjed tant li ingħata karigi oħra mill-gvern Laburista ġdid. Iżda kien ingħata kariga oħra biex tkun tista’ tiddaħħal f’loku Andreina Fenech Farrugia ftit wara l-elezzjoni tal-2013.

Dan il-fatt huwa wieħed ta’ importanza kbira għaliex jindika li, qabel l-2013, il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien diġà f’kuntatt ma’ Andreina Fenech Farrugia li, minħabba dak li kien seħħ, kienet urtata u din kienet ġiet ippremjata bil-ħatra li kellha qabel u dan b’rikonoxximent għas-servizzi li setgħet tat lil tal-Labour waqt li kienu fl-Oppożizzjoni. Din ma kinitx deċiżjoni amministrattiva. Kienet biss għażla politika li għaliha l-gvern Laburista issa jkollu jerfa’ r-responsabbiltà.

Għandi nifhem li Joe Caruana lill-Ministri tiegħu kien tarrfilhom ir-raġunijiet il-għala Andreina Fenech Farrugia ma kellhiex terġa’ tingħata l-kariga li kellha għaliex kien proprju hu li kien xammar kmiemu biex irranġa t-taħwid li din kienet ħalliet warajha. U jekk lill-Ministri ma kien tarrfilhom xejn, kienu fid-dmir li jistaqsuh. Li hu żgur hu li dawn ma kienx messhom daħħlu l-politika f’materji li huma purament amministrattivi u ġaladarba daħħluha, issa jeħtieġ li jerfgħu ir-responsabbiltà.

Dan m’huwiex kollox.

Il-bieraħ erġajna rajna lura fix-xena lil Charlon Gouder u rajniħ jinsisti li Andreina Fenech Farrugia għandha titkeċċa sabiex il-provi jiġu priservati anki jekk l-innoċenza tagħha għandha tibqa’ preżunta. Iżda l-fatti juruna li Charlon Gouder mhux biss huwa l-avukat (isejjaħ lilu nnifsu CEO) tan-negozjanti li jsemmnu t-tonn iżda hu wkoll ħaġa waħda ma’ Josè Herrera li hu l-Ministru responsabbli għas-Sajd. Kien hemm żmien li fih kien iservi fil-Ministeru u, għax forsi ma kienx qed jaqla’ flus biżżejjed, fl-2016 ma baqax segretarju privat ta’ Josè Herrera u nħatar dak il-ħin stess bħala “konsulent” biex fl-istess waqt beda’ jirċievi ħlas akbar.

Dan kien seħħ fi żmien meta Josè Herrera kien għadu ma ngħatax ir-responsabbiltà għas-sajd. Issa li d-dikasteru tas-sajd jinsab taħt idejh, mhux ċar jekk Charlon Gouder huwiex jirċievi ħlas kemm mingħand il-Ministeru tas-Sajd kif ukoll mingħand in-negozjanti li jsemmnu t-tonn. Dan għad irridu narawh. Iżda anki jekk dan m’għadux il-każ, m’hemmx dubju li hawn għandna każ ta’ kunflitt ta’ interess li ma jistax ikun ċar aktar milli hu. Ma jistax ikollna fiduċja li, sal-ħin meta feġġet l-aħbar tal-bieraħ, il-gvern aġixxa indipendentement mill-interessi tan-negozjanti li jsemmnu t-tonn. Issa li l-iskandlu ħareġ fil-beraħ, ma jistax ikollna fiduċja li l-gvern qed jittratta l-kwistjoni bl-oġġettività meħtieġa.

Araw ftit kif it-Times of Malta dalgħodu tkellmet dwar dak li għejjun Spanjoli qalulha li “biss il-parti d-dejqa tal-feles”. Araw ftit kif, mit-Times of Malta wkoll, sirna nafu li – anki qabel ħarġet l-aħbar fil-beraħ il-bieraħ – il-pulizija kienu diġà mgħarrfa dwar il-każ u tnediet ukoll inkjesta maġisterjali. Meta kien li Josè Herrera sar jaf b’din l-istorja? U Charlon Gouder — bħala rappresentant tan-negozjanti l-oħrajn tas-smin tat-tonn – meta sar jaf bl-istorja? X’kienu ċ-ċirkostanzi li wasslu biex it-tkeċċija ta’ Andreina Fenech Farrugia tkun posposta sakemm din imbagħad saret inevitabbli meta feġġet l-aħbar fl-istampa Spanjola? X’ġiegħel lil Charlon Gouder ikun daqstant drammatiku l-bieraħ hu u jinsisti fuq il-priservazzjoni tal-provi, liema provi kienu diġà hemm waqt li kienu qed jistennew li tfeġġ l-aħbar fl-istampa? Dan ried jippriserva l-provi dwar ir-rabtiet li hemm bejn Andreina Fenech Farrugia u Fuentes, jew inkella – waqt li kien qed jistenna li toħroġ l-istorja fil-beraħ – ra kif għamel biex  provi dwar l-attivitajiet tal-klijenti tiegħu ma joħorġux fil-beraħ ukoll?

Il-veru każ li jgħodd sew il-qawl Malti li jgħid li l-ħuta tinten minn rasha. Iżda tiskantaw xejn jekk, mal-medda taż-żmien, jirriżulta li Andreina Fenech Farrugia m’hix ir-ras tal-ħuta u li hi biss il-parti d-dejqa tal-feles.

Hu x’inhu, din ċertament m’hix kwistjoni strettament amministrattiva. Hi wkoll waħda ta’ natura politika.