Aqraw din l-intervista li Politico għamel lil Joseph Muscat. 

Għal mument, tieħu l-impressjoni li dak li qal jifforma parti minn dibattitu tattiku dejjaq li qed isir fi ħdan is-Soċjalisti Ewropej li fih Joseph Muscat joħroġ bi strateġija inklussiva ċentrista kemmxejn imxaqilba lejn il-lemin.

M’hemmx fejn titfixkel f’dak li huwa kuntest. Is-Soċjalisti fl-Ewropa jinsabu minn taħt f’diversi pajjiżi u issa se jitilfu il-grupp Brittaniku Laburista minħabba l-Brexit. U s-soċjalisti Franċiżi u Griegi tlifu ħafna mill-bażi popolari tagħhom biex din il-bażi issa rebħuha l-moviment ta’ Macron fi Franza u l-komunisti fil-Greċja. 

Tal-Partit Popolari Ewropew għandhom is-soppravvent u x’aktarx jirbħu l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss: il-Konservattivi tar-Renju Unit ilhom is-snin li telqu mill-grupp tal-PPE u l-assenza tagħhom m’hix se tinħass.

Il-mistoqsija tattika allura għandha tkun din: is-Soċjalisti għandhom jinnamraw ma’ xi ħadd bħal Macron li għandu politika mneżża’ mill-ideoloġija soċjalista?

Skond Joseph Muscat hekk għandhom jagħmlu u dan mhux minħabba raġunijiet ta’ tattika. Ir-raġunijiet tiegħu huma ta’ natura ideoloġika.

Lill-partiti soċjalisti Ewropej qed jistedinhom biex isegwu l-passi tal-Partit Laburista f’Malta. Bażikament qed jagħtihom parir biex ma jibqgħux iħaddnu t-twemmin soċjalista u biex isiru proto-Thatcherjani bla ruħ b’niskata ta’ populiżmu li jħares bl-ikraħ lejn l-immigrazzjoni.

Fi kliem ieħor, irid jidfen lill-politika tradizzjonali tax-xellug u jeqred lis-soċjaliżmu bix-xabla tal-għatx għall-poter.

Fi kliemu stess: “It-twemmin soċjalista huwa effettiv biss meta ma jkollokx għalfejn tieħu deċiżjonijiet. Meta tkun fil-gvern, dan it-twemmin m’huwiex effettiv. U x’aktarx ukoll ma jwasslekx biex tieħu l-poter”.

Kompla jgħid: “Jidhrili li qed naħlu wisq ħin niddiskutu dwar kif se nqassmu l-ġid u hu wisq aktar importanti li wieħed jiddiskuti kif ser jinħoloq il-ġid. L-elettorat jrid ikun jaf minn fejn ser jiġu l-flus”.

Lis-Soċjalisti, Joseph Muscat qalilhom li “għandhom iwarrbu l-politika klassika favur il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u l-bqija”.

Dwar l-immigrazzjoni qal hekk: “Jeħtieġ li nirrimedjaw għal dawk l-oqsma fejn m’aħniex nidhru kredibbli biżżejjed: is-sigurtà, l-immigrazzjoni. Jidhirli li l-politika dwar l-immigrazzjoni li tagħmel sens għandha tinkludi politika sensibbli dwar il-protezzjoni tal-fruntieri”.

Din l-aħħar kwotazzjoni turi li l-ħsieb ta’ Joseph Muscat qed imur lil hinn mill-kwistjoni dwar jekk is-soċjalisti għandhomx jibdew jinnamraw ma’ Emmanuel Macron. Il-politika dwar l-immigrazzjoni ta’ Macron tagħmel ħafna aktar sens mill-politika ta’ Joseph Muscat: niftakru li l-politika tal-President Franċiż ġabitu f’konfrontazzjoni diretta mal-gvern populista tal-Italja.

Il-viżjoni li qed jippreżenta hawn Joseph Muscat hi dik tal-qerda ta’ kull missjoni politika u t-tixrid tal-inċens ideoloġiku fuq l-altar “tal-flus” fejn kull twemmin favur “il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u affarijiet bħal dawn” jintrema’ l-baħar.

L-inugwaljanzi li għandna f’Malta, il-ħolqien ta’ klassi ġdida ta’ fqar, l-inġustizzji mxerrdin minn kleptokrazija li tinsab immexxija mir-regħba tal-ftit u mill-ħila ta’ dawk li l-ambizzjonijiet korrotti tagħhom isarrfuhom fi flus: dawn kollha jinsabu fis-sisien ta’ viżjoni li Joseph Muscat qed jipproponi għal Kontinent sħiħ.

Issa ma niskantaw xejn jekk, bħala taħlita rebbieħa, jinħoloq żwieġ terminali bejn il-medjokrità u l-amoralità. Mhux l-ewwel darba li ma’ wiċċna sibna xi ħaġa bħal din.