Nota: f’verżjoni aktar bikrija ta’ din l-istorja ġie rappurtat li l-MFF tagħmel parti mill-Elbros Group. Dan mhux korrett. Salvu Ellul kien diġà nfired mill-Elbros Group qabel seħħ dak li gie deskritt fir-rapport.

F’rapport ieħor li xxandar fil-website ġurnalistiku nvestigattiv Spanjol El Confidencial hemm xiljiet kontra MFF Ltd, li tagħmel parti mill-grupp ta’ Salvu Ellul u ssemmi l-kumpannija bħala “waħda mill-fornituri ta’ tonn maqbud illegalment u msemmen f’Malta”. Salvu Ellul kien sid nofs l-Elbros Group. Ir-rapport igħid li l-kumpannija ta’ Ellul għabbiet it-tonn illegali fuq trakkijiet li kienu destinati għal Spanja u liema trakkijiet insaqu tul l-Italja u għaddew minn Marsilja fi Franza. Jgħid ukoll li “l-kuntrabandisti għamlu użu minn catamarans biex ix-xogħol minn Malta jibqa’ sejjer l-Italja”.

El Confidencial irrappurtat ukoll li tonn ta’ kwalità għolja twassal minn Malta direttament lejn Madrid permezz ta’ ajruplan u li kienu nħarġu dokumenti foloz dwar il-provenjenza tal-prodott biex b’hekk inqabżu r-regolamenti u t-tonn tal-kuntrabandu seta’ jiġi fornit lir-ristoranti u lis-swieq tal-ħut fi Spanja.

El Confidencial tkellmet ma’ Giovanni Ellul, iben l-imgħallem Salvu Ellul li huwa s-CEO ta’ MFF Ltd. Dan ġie kwotat li qal li kien qed jiċħad “kategorikament” li l-kumpannija tiegħu qatt kienet “imdaħħla fil-kuntrabandu ta’ tonn maqbud illegalment minn Malta lejn Spanja”. Isem il-kumpannija hu abbrevjazzjoni tal-isem “Malta Fish Farming”. Salvu Ellul, li dari kellu sehem fl-Elbros, huwa wieħed mill-operaturi l-aktar influwenti fl-industrija tas-simna tat-tonn. Għejjun fi ħdan l-industrija qaluli li Salvu Ellul kien mexxa’ l-kelma biex jinħatar is-segretarju privat ta’ Josè Herrera bħala “CEO” tal-industrija. L-istess għejjun qaluli li, hu u suppost jirrappreżenta lill-industrija ntiera, Charlon Gouder kien ħaffef it-triq għan-negozju ta’ Ellul.

F’Diċembru lill-ġurnal Malta Today, Charlon Gouder qallu li kien qabbad avukat fi Spanja sabiex investigaturi Spanjoli ma jitħallewx jitfgħu dawl ikraħ fuq l-industrija Maltija tas-simna tat-tonn.

Dan li ġej huwa filmat promozzjonali ta’ MFF li jirreklama t-trobbija tal-ħut għas-simna.