Ftit minuti biss wara li ntebaħ bir-rapport tal-Kumitat tal-House of Commons li kkonferma li kien ra b’għajnejh provi li jmeru l-verżjoni uffiċjali ta’ Malta, il-gvern Malti rrepeta dak li kien stqarr u reġa’ qal li l-allegazzjoni li, qabel l-elezzjoni tal-2013, tal-Labour kienu ltaqgħu ma’ tal-SCL kienet waħda mingħajr bażi. M’għandniex xi ngħidu, fir-risposta tal-gvern hemm ħafna affarijiet li huma ta’ taħt fuq. Ibda’ biex, mhuwiex kompitu tal-gvern li jistqarr x’kien jew ma kienx għamel il-Partit Laburista qabel l-2013. Id-Dipartiment tal-Informazzjoni m’huwiex il-kelliem tal-Partit Laburista. U l-imġieba tal-Partit Laburista waqt li kien fl-Oppożizzjoni (jew anki fiż-żmien li jkun fil-gvern) għandha tiġi diskussa mill-Partit Laburista nnifsu u mhux mill-Gvern ta’ Malta.
Din id-distinzjoni m’hix waħda ta’ natura akkademika, semantika jew pedantika. Il-fatti huma li fin-nofs hemm akkuża li l-azzjonijiet insidjużi ta’ Christian Kalin u ta’ Alexander Nix spiċċaw biex sarrfu f’elezzjonijiet manipulati, rebħiet għal dawk il-partiti li taw l-appoġġ tagħhom għall-bejgħ taċ-ċittadinanza minn Henley & Partners u, għallinqas f’każ wieħed, għenu biex tkisser partit fl-oppożizzjoni li kien kontra dan il-bejgħ, ħaġa li setgħet seħħet ukoll f’Malta fl-2013.
Minn dakinhar ‘l hawn, ġew stabiliti ċerti fatti mingħajr l-iċken dubju. Fl- 2010 u fl-2011, żmien li fih Joseph Muscat kien fl-Oppożizzjoni, kemm Christian Kaelin ta’ Henley & Partners kif ukoll Alexander Nix ta’ SCL – iktar tard tas-sussidjarja tagħha Cambridge Analytica – kienu Malta biex ifittxu l-klijenti għall-proġetti tagħhom. Nafu li kienu ltaqgħu ma’ tal-PN għax dan ikkonfermah il-PN stess li kkonferma wkoll li ma riedx li jkollu x’jaqsam magħhom. Dan kollu ġie verifikat b’mod indipendenti.
Minn għejjun li kienu jaħdmu ma’ ta’ Henley u mal-SCL, sirna nafu wkoll li dawn xtaqu li jsiru jafu lil Joseph Muscat. Dak li qalu l-whistleblowers li kienu jaħdmu mal-SCL u ma’ Cambridge Analytica dwar dawn il-kuntatti ma’ tal-Labour, kif ukoll dwar l-attentat biex isir kuntatt mal-PN, ilkoll ġew verifikati bħala stejjer li huma minnhom.
Madankollu, tal-Labour baqgħu jiċħdu. Tal-Labour hekk jaħdmu. Ripetutament. Dan ma jfissirx li dak li ntqal m’huwiex minnu. Il-whistleblowers ta’ SCL/Cambridge Analytica huma għejjun kredibbli li kienu kixfu l-borom dwar dawn l-attivitajiet tant perikolużi u anti-demokratiċi.
Huwa minnu li dak li seħħ f’Malta jissemma’ f’paragrafu wieħed biss tar-rapport tal-Kumitat tal-House of Commons li jittratta dwar kwistjonijiet li huma ta’ portata ħafna akbar, b’mod partikolari fejn jidħlu l-metodi li ġew żviluppati minn Cambridge Analytica (u oħrajn) biex jisfruttaw l-informazzjoni fil-media soċjali bil-għan li jiġu manipulati l-votanti.
Ir-rebħa fl-elezzjoni tal-Partit Laburista u l-bejgħ taċ-ċittadinanza lil sinjuruni bla skrupli hi politika li setgħet kienet il-frott tal-metodi ta’ SCL/Cambridge Analytica. L-istess kif ġara’ fir-rebħa fl-elezzjoni ta’ Donald Trump u r-rebħa fir-referendum ta’ min ried il-Brexit. Dak li rriżulta li seħħ mhux neċessarjament iħassar il-validità tar-riżultat ta’ dawk l-elezzjonijiet. Iżda ċertament iqiegħed fid-dubju l-leġittimità demokratika u jqajjem kwistjonijiet dwar jekk fil-ġejjieni, fl-isfond ta’ dawn il-manipulazzjonijiet, jistax ikollna turija ħielsa u kredibbli tar-rieda demokratika tal-poplu. Ebda partit jew mexxej politiku li jkun ġie elett bis-saħħa ta’ dawn il-manipulazzjonijiet m’hu ser jippermetti lill-poplu jdaħħalha f’rasu li li r-rebħa li kellu fl-elezzjoni ma kinitx waħda leġittima għaliex kienet imsejsa fuq manipulazzjoni li m’hix kunsidrata llegali għaliex għadhom ma tfasslux liġijiet li jirrimedjaw għaliha. Tkun bħallikieku dawk favur il-Brexit jammettu li l-iffinanzjar illegali tal-kampanja tagħhom kienet għenithom biex jirbħu. Jew bħallikieku Donald Trump jammetti li l-kampanja tiegħu kienet miżgħuda bl-indħil illegali min naħa tar-Russi.
Joseph Muscat qatt m’hu ser jammetti li SCL/Cambridge Analytica — jew saħansitra anki Christian Kaelin, il-Prinċep tad-Dlamijiet li rnexxielu jibqa’ fil-wiċċ anke waqt li Alexander Nix kien spiċċa fl-inkwiet — għenuh biex jirbaħ l-elezzjoni tal-2013. Aktar u aktar wara li nkixfu l-borom kollha dwar il-metodi anti-demokratiċi u manipulattivi ta’ Cambridge Analytica. Jew wara li sirna nafu li kienu saħansitra lesti li jħammġu u jivvintaw stejjer biex jimmanipulaw ir-riżultati elettorali.
Fl-2013, niftakru li tal-Labour ma kellhomx problemi finanzjarji meta fl-2008 għal ftit ma fallewx. Nafu kif irnexxielhom jaqsmu b’mod effettiv lill-votanti fi gruppi bi preċiżjoni kbira. U fl-aħħar sentejn fl-Oppożizzjoni, Joseph Muscat ma qgħadx lura f’dak li hu tfigħ ta’ tajn.
Il-fatt li fl-2013 rebħu tal-Labour minnu nnifsu ma jwassalx għal prova li kienu ġew mgħejjuna biex jirbħu minn Henley u mis-SCL. Mingħajr din l-għajnuna x’aktarx kienu jirbħu xorta waħda. Iżda l-provi ċirkostanzjali juru li din l-għajnuna kienet waħda reali.
Aqraw hawn il-kummenti ta’ Daphne Caruana Galizia li kienu xxandru fil-comments board tagħha: kienet xammet x’kien seħħ u, meta qiegħdet il-biċċiet flimkien, ħarġet stampa ċara dwar il-metodi li kienu għamlu użu minnhom tal-Labour. Dawn il-metodi saħansitra wżawhom — u dan huwa l-kuntest ta’ dan l-iskambju — biex jimmanipulaw l-għażla tal-kap il-ġdid tal-PN wara l-elezzjoni tal-2017.
U mbagħad f’April li għadda xandart l-istorja dwar l-emails li kienu ġew skambjati fl-2011 bejn tal-SCL u Henley li juru li dawn kienu ddiskutew kif kienu ser javviċinaw lil Joseph Muscat. Ġurnalist jista’ jxandar storja meta l-provi li jkun ra b’għajnejh ma jkunux jistgħu jixxandru? Xi drabi jiġri li għalkemm l-għejjun ikunu jistgħu juruk il-provi, ma jippermettulekx li xxandarhom għaliex ikunu qed iqiegħdu lilhom infushom f’ċertu riskju. F’Malta, il-provi f’kawża ta’ libell ikun jeħtieġ jipproduċihom il-ġurnalist u dan il-fatt fih ċertu riskju.
Madankollu hemm ukoll id-dmir sagrosant li wieħed jinforma lill-pubbliku. Bejn April u Lulju, l-gvern ħass li seta’ jinjora l-istorja li jien kont xandart. Iżda meta f’Lulju, l-istorja tiegħi ġiet ikkwotata fir-rapport preliminari tal-Kumitat tal-House of Commons, il-gvern ma setax ikompli jinjoraha u ħareġ bil-kanuni kollha kontra l-istorja billi sejjħilha fake news, spekulazzjoni irresponsabbli u xniegħat. Iżda kienu għamlu dan għax ħasbu li, biex wasal għall-konklużjonijiet li kien wasal għalihom, il-Kumitat tal-House of Commons kien strieħ biss fuq il-kontenut tal-istorja li jien kont xandart u li l-kanuni li sparaw bihom kienu se jipperswadu lil tal-Kumitat biex jikkonkludi mod ieħor.
Tal-Labour ikejjlu biss b’xibirhom. Meta kien għoddu wasal biex ixandar ir–rapport finali, l-Kumitat tal-House of Commons kien diġà ntebaħ li l-gvern Malti kien qed jigdeb dwar dak li kien għamel il-Partit Laburista fl-2011. Kif kont għamilt jien f’April 2018, il-Kumitat tal-House of Commons baqa’ jsostni dak li kien stqarr minkejja l-fatt li l-informazzjoni li fuqha sejjes il-konklużjoni tiegħu waslitlu b’mod kunfidenzjali u ma kienx f’pożizzjoni li jxandarha biex “jipprova” li l-gvern ta’ Malta ma kellux raġun. Għaliex dan tal-Kumitat tal-House of Commons ma kien xejn ħlief ġudizzju politiku li jiswa’ aktar minn ġudizzju ġurnalistiku.
Kull informazzjoni kunfidenzjali li tmeri stqarrijiet uffiċjali u li tkun imsejsa fuq fatti u fuq l-esperjenza diretta ta’ dawk li jkunu jafu x’inhuma jgħidu għax kienu preżenti, għandha tixxandar biex il-pubbliku jkun jista’ jiġbed il-konklużjonijiet tiegħu.
Il-gvern jista’ jibqa’ jwerżaq li dan kollu m’hu xejn ħlief fake news u gideb. Madankollu jibqa’ l-fatt li ħadd m’hu jemminhom. Tgħid mhux ser jagħmlu xi libell lill-Kumitat tal-House of Commons!
Nammetti li din tal-lum niżlitli għasel.