Bħallikieku xtaqu jfakkruna li l-korruzzjoni kienet hemm ukoll qabel l-2013, Ivan Camilleri kiteb rapport fit-Times of Malta dwar dak li kien is-Sindku tar-Rabat li, skont recordings li għandha f’idejha l-Pulizija, kien ixxaħħam b’rabta ma’ kuntratt tat-tindif, kien ħassar il-kuntratt u pprova – bla ma rnexxielu – jakkwista żjieda fit-tixħim. Dan l-inċident allegatament seħħ fl-2006. Dak iż-żmien is-Sindku tar-Rabat kien Frank Fabri, persuna promettenti fil-Partit Laburista li, madankollu, fl-2007 għażel li jħalli l-politika biex jibni karriera fis-servizz ċivili. Kien leħaq Direttur fl-2007, kariga li ma kinitx kompatibbli ma’ kariga fil-politika, u minn dakinhar ‘l hawn baqa’ tiela’ tarġa tarġa biex issa qed imexxi d-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Fl-2010 il-Pulizija xliet lil dak li kien allegatament xaħħam lil Frank Fabri u akkużatu li xaħħam uffiċjal pubbliku. Huwa kien ġie liberat mill-akkuża għaliex il-qorti kien dehrilha li ħadd ma seta’ jgħid ta’ min kienu l-ilħna li kien hemm fuq ir-recordings li nstemgħu mill-qorti u li għalhekk il-kuntrattur ma setax jiġi kundannat. Li hemm stramb huwa l-fatt li s-sindku qatt ma ġie mixli li xxaħħam u dan minkejja l-fatt li, hekk kif issejjaħ biex jixhed fil-każ tal-persuna li kien allegatament xaħħmu, huwa rrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet biex b’hekk ma jinkriminax ruħu. U dan minkejja wkoll li, kif kien ikkonferma s-segretarju tal-kunsill, is-Sindku kien talab li jitħassar il-kuntratt tat-tindif.
Tant jeżistu implikazzjonijiet li ma tkunx taf minn fejn taqbad tibda’. Issa għandna s-servizz ċivili – istituzzjoni oħra tad-demokrazija tagħna – jinsab f’nofs kriżi ta’ fiduċja.
Il-bieraħ, id-Direttriċi Ġenerali tas-Sajd ġiet sospiża — mingħajr tnaqqis fil-paga, jekk jogħġbok — wara li l-istampa Spanjola xandret traskrizzjonijiet li fihom hi tinstema’ titlob ħlasijiet bħala tixħim mingħand il-kbir tan-negozju u tat-trobbija u s-simna tat-tonn.
Fil-każ ta’ Frank Fabri, l-ammonti ta’ flejjes huma bil-wisq iżgħar u huwa każ li seħħ qabel okkupa l-kariga li għandu llum. Madankollu din l-istorja tirrifletti fuq il-kwalità tal-karattru li għandu. Barra minn hekk, edukatur impjegat fis-servizz ċivili li jkollu jġorr fuq spallejh is-suspett li xxaħħam, ma jkunx qed jagħti l-aqwa eżempju.
Dawn iż-żewġ persuni kienu ntagħżlu għall-karigi rispettivi tagħhom mill-amministrazzjoni Laburista. It-tnejn li huma kienu diġà jservu fis-servizz ċivili qabel tal-Labour telgħu fil-gvern, iżda t-tnejn ingħataw karigi għoljin minn tal-Labour għal raġunijiet li jidhru li huma partiġġjani għall-aħħar.
Il-Ministeru ta’ Evarist Bartolo huwa diġà mċappas grazzi għall-iskandlu ta’ Edward Caruana, persuna li xxaħħam b’rabta ma’ proġetti ta’ kostruzzjoni u tiswija fl-iskejjel. Aqraw sewwa. Dak iż-żmien, is-segretarju permanenti ta’ Evarist Bartolo kien Joe Caruana, li jiġi ħu Edward Caruana, li issa jinsab fl-aħbarijiet għaliex kien proprju hu li fl-2010 kien daħal flok Andreina Fenech Farrugia biex imbagħad fl-2013 hi reġgħet iddaħħlet floku.
Joe Caruana illum m’għadux fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u daħal floku Frank Fabri bħala segretarju permanenti. Dan Fabri issa jidher li hu mċappas bi skandlu dwar tixħim fi żmien meta kien iservi ta’ Sindku Laburista.
Possibbli m’hemm ħadd fosthom li mhuwiex imċappas b’xi ħaġa?