Il-ġurnal Svediż Dagens Nyheter żvela li Yorgen Fenech, persuna li jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-ħasil tal-flus dwar 17 Black, huwa sid kumpannija tal-imħatri li topera fis-suq Svediż. Il-kumpannija, li jisimha L&L Europe Limited u li hi reġistrata f’Malta, kienet ingħatat liċenzja mill-Isvezja biex tmexxi l-imħatri fuq 14 il-website.
Skont ir-Reġistru tal-Kumpanniji ta’ Malta, l-azzjonisti ta’ L&L Europe Limited huma Angeltip Limited, Fiduciary Trust Limited, TL Limited u UK National Leslie Reece Tipping. Fiduciary Trust Limited hi kumpannija reġistrata f’Ġibiltà filwaqt li l-istess Fiduciary Trust Limited u kumpannija oħra minn Gibiltà, Red Giant Limited, huma s-sidien ta’ Angeltip Limited. TL Limited hi miżmuma permezz ta’ trust minn Trustforte Fiduciary Limited.
Dawn il-kumpanniji jservu ta’ paraventu biex igħattu l-identità tas-sidien proprji ta’ L&L Europe Limited li, skond l-istampa Svediża, fost dawn hemm Yorgen Fenech. Din l-informazzjoni ġiet mgħoddija lis-Swedish Gaming Inspectorate. L&L Europe Limited kienet allegatament talbet biex kull informazzjoni dwar is-sidien proprji tibqa’ mistura. Wieħed mis-sħab l-oħrajn, li l-ġurnal Svediż ismu ma kixfux, għandu rabtiet diretti ma’ Yorgen Fenech u jmexxi diversi kumpanniji li għandhom rabtiet ma’ Tumas Group.
B’seħħ mill-bidu ta’ din is-sena, l-Isvezja qiegħda tirregola aktar mill-viċin dawk il-kumpanniji tal-imħatri li huma reġistrati barra l-pajjiż li jkunu jridu jaħdmu ma’ klijenti residenti fl-Isvezja. Dawn il-kumpanniji li jkunu jridu joperaw fl-Isvezja jkun jeħtieġ li japplikaw għal-liċenzja maħruġa mis-Swedish Gaming Inspectorate. Huwa dan l-ispettorat li jiddeċiedi dwar jekk kumpannija tgħaddix mill-għarbiel tal-liġijiet finanzjarji Svediżi dwar il-ħasil tal-flus u tal-imħatri jew le. Dan l-ispettorat huwa fid-dmir li jgħarbel ukoll lis-sidien u d-diretturi tal-kumpannija.
51 mis-67 kumpannija li ingħataw liċenzja mill-awtoritajiet tal-Isvezja huma reġistrati f’Malta. Ir-regolamenti l-ġodda dwar l-imħatri, li ġew fis-seħħ fl-Isvezja fil-bidu ta’ din is-sena, saru biex ikun hemm aktar kontroll fuq is-sidien veri ta’ dawn il-kumpanniji. Għalkemm uħud minn dawn il-kumpanniji, bħal dik ta’ Yorgen Fenech, kienu talbu lill-awtorità biex l-ismijiet tas-sidien tagħhom ma jinkixfux, ħafna minn din l-informazzjoni issa hi pubblika. Fost kumpanniji oħrajn li għandhom liċenzja fl-Isvezja, hemm Betsson u Casumo li huma bażati f’Malta, fost oħrajn.
Dagens Nyheter irrapporta li Yorgen Fenech ikkonferma mal-ġurnal permezz tal-e-mail li huwa s-sid tal-kumpannija li se tibda’ topera fis-suq Svediż. Madankollu, huwa la kkonferma u lanqas ċaħad li hu sid is-17 Black u sejjaħ l-istejjer fis-sens li hu s-sid ta’ din il-kumpannija fid-Dubaj bħala “spekulazzjoni”. Lil Dagens Nyheter, Yorgen Fenech qalilha li l-Pulizija ma kinux bgħatu għalih biex jinterrogawh dwar 17 Black u li, sa fejn jaf hu, lanqas ma nbdiet xi investigazzjoni dwar il-każ.
Daphne Caruana Galizia kienet investigat lis-17 Black u r-rabtiet li din għandha mal-kumpanniji sigrieti tal-Panama ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Wara l-assassinju tagħha, The Daphne Project żvelat li sid is-17 Black huwa Yorgen Fenech, li hu wkoll il-kbir tat-Tumas Group li topera l-Portomaso Casinò. Yorgen Fenech huwa wkoll sid waħda mill-kumpanniji li tmexxi l-power station tal-Electrogas. The Daphne Project kienet żvelat li l-kumpannija sigrieta tad-Dubaj 17 Black, flimkien mal-kumpannija Macbridge, kumpannija oħra tad-Dubaj, kellha tħallas €5,000 kuljum fil-kontijiet tal-kumpanniji tal-Panama li s-sidien tagħhom huma l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri.
Johan Röhr mill-iSwedish Gaming Inspectorate qal lil Dagens Nyheter li din l-informazzjoni dwar Yorgen Fenech m’għaddietx mill-għarbiel tagħhom għaliex ma jidhrirx li fuqu għandu xi kundanna mill-qorti. Kompla jgħid madankollu li din l-informazzjoni tista’ twassal biex tinżamm għassa aktar stretta fuq il-kumpannija. “Aħna nikkunsidraw kull informazzjoni li toħroġ” temm igħid.