Araw ftit il-mod kif Owen Bonnici jipprova jiżloq mill-gideb tiegħu stess permezz ta’ gideb ieħor.

Lil tal-Parlament Ewropew qalilhom li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu għaddew minn inkjesti u li ma kien instab xejn dwarhom. Meta t-Times of Malta staqsietu għal liema inkjesti seta’ kien qed jirreferi, ammetta li f’dak li kien qal ma kienx preċiż u li kien tkellem hekk biex seta’ jinftiehem mill-udjenza li kellu quddiemu. Dan donnu jirraġuna li għax quddiem udjenzi Maltin jirnexxielu jbenġilha, se jirnexxielu jbenġilha wkoll fi Strasburgu. Il-Parlament Ewropew ma jaħdimx bħall-Parlament tagħna li hu mmudellat fuq dak ta’ Westminster. U skond waħda mit-tradizzjonijiet etiċi ewlenin ta’ Westminster, membru m’għandu qatt jidħak bil-Parlament. Meta wieħed jidħak bil-Parlament ikun qed jinganna b’informazzjoni li jkun jaf li hi falza. Fir-Renju Unit, fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Indja, fil-Kenja u f’pajjiżi oħra — u, għallinqas fit-tejorija, f’Malta wkoll — ministru tal-gvern li jirriżulta li jkun daħak bil-Parlament ġeneralment ikollu jitkeċċa mill-kabinett. Bis-saħħa ta’ konvenzjoni, ministru li rriżulta li daħak bil-Parlament jkun mistenni li jwarrab jew inkella jitkeċċa.

Il-kodiċi tal-etika tal-gvern Skoċċiż igħid li ministru għandu jwarrab jekk jiġi pruvat li daħak bil-Parlament. Jekk ikun hemm xhud li jixhed falz quddiem kumitat parlamentari Awstraljan, aġir bħal dan jista’ jitqies bħala aġir ta’ disprezz lejn il-parlament.

Il-“kjarifika” li Owen Bonnici’s għamel mat-Times of Malta m’hi xejn ħlief ammissjoni li meta huwa xehed quddiem il-membri tal-kumitat parlamentari speċjali Ewropew dwar l-evażjoni tat-taxxa, huwa kien daħak bihom b’mod intenzjonat. Dan qalilhom li “żewġ inkjesti kienu kkonkludew li ma kienx hemm raġunijiet għala għandhom jittieħdu passi kontra dawn in-nies” jiġifieri Keith Schembri u Konrad Mizzi. U meta ġie mistoqsi minn tat-Times of Malta, huwa “speċifika” li l-inkjesti b’rabta mat-tixħim u l-korruzzjoni ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri “kienu għadhom ma ngħalqux”. Lil tat-Times of Malta ma qalilhomx li kien żbalja jew li kien ħawwad bejn inkjesta u oħra. Iżda qalilhom li kien “uża ċertu lingwaġġ biex in-nies ikunu jistgħu jifhmu”.

Ammissjoni aktar ċara minn din qajla jista’ jkun hemm. ‘Lill-parlamentari xtaqt nagħtihom l-impressjoni li l-inkjesti li għadhom għaddejjin, fil-fatt ingħalqu u li ma kien instab xejn dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi’.

M’hix l-ewwel darba li Owen Bonnici għamel bużullotta bħal din. U l-gvern li hu jifforma parti minnu minn Frar 2016 ‘l hawn lanqas ma baqa’ lura – minn dakinhar li deher ritratt ta’ ħaruf fil-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u lkoll kemm aħna ħsibna li Konrad u Sai Mizzi kienu ser jieklu ikla ħaruf ta’ New Zealand għall-festi tal-Għid. Il-werrieta tat-tradizzjoni ta’ Westminster ikun jeħtieġ li jkunu wkoll werrieta ta’ regoli dwar imġieba korretta u diċenti li ma jinsabux miktubin fil-kotba.

Tistgħu tibqgħu ċerti li Owen Bonnici mhux se jirriżenja minkejja l-fatt li nqabad jidħak bil-Parlament, inkluż dak Ewropew. U Joseph Muscat, bi xturu mgħottijin kif inhuma bil-gideb ta’ Owen, m’hux se jkeċċieh.

Għax inkella jkollu jwarrab hu wkoll.