U għalfejn l-istudenti għandhom jitgħallmu l-istorja tal-arti? Għalfejn għandhom jitgħallmu l-istorja, il-ġografija, il-letteratura, l-istorja tal-mużika u tant suġġetti inutli oħra? U wara kollox, għalfejn għandhom jitgħallmu suġġetti bħal matematika u x-xjenzi? U mbagħad xi ngħidu għall-ekonomija? Dan mhux suġġett għal esperti finanzjarji?
Din hi mentalità pragmatika u misħuta, li xxettlet u ssaħħet matul iż-żmien, li se twassal biex dan il-pajjiż iħallas prezz tassew qares. Kollox isir u jiġi ġġustifikat f’isem il-progress. Il-progress iżda jrid jiġi ikkwalifikat. Per eżempju fl-ambjent. Malta mhix Dubai u Dubai mhix Malta. Jew le? Il-kostruzzjoni bla kriterji se twassal biex fi ftit snin oħra Malta se tikrieh b’mod irrimedjabbli. Il-mard fiżiku, bħall-ażma, qiegħed dejjem jiżdied. In-nuqqas ta’ spazji miftuħa u ħodor, fil-kuntest ta’ densità tal-popolazzjoni fost l-ogħla fid-dinja, in-nuqqas ta’ kodiċi tal-etika mqar minimu, qed ikissru l-kwalità tal-ħajja. Ftit ġografija u storja, ftit għarfien estetiku, letterarju u psikoloġiku, jagħmlu dan kollu evidenti. Dan iżda, skond in-narrativa ta’ Kastilja u lil hinn, hu sinjal ta’ “progress” li ma jistax jitwaqqaf. U mbagħad wara kollox l-iktar ħaġa importanti mhux li jkonna l-flus fil-but? Mhux aħjar li jkollna ekonomija li tirrendi bbażata ukoll fuq il-logħob tal-azzard, il-bejgħ tal-passporti, ir-riċiklaġġ ta’ flus maħmuġa u prodotti oħra sbieħ u anċillari? Bl-etika u bil-kultura ma tiekolx. Dwar dan jidher li hemm kunsens wiesgħa u sieket.
U Daphne Caruana Galizia? Malta għandha idejha mċappsa bid-demm ta’ ġurnalista qalbiena li ħadd ma rnexxielu jixtriha u li tassew ma beżgħet minn ħadd. Minkejja li kellha kontra tagħha l-establishment veru, korrott, kriminali u trasversali, li ħataf dan il-pajjiż, il-vuċi tagħha baqgħet soda sal-aħħar. Fil-fehma tiegħi, Caruana Galizia għarfet sew l-għerq tal-problemi li ilha taffaċċa Malta: in-nuqqas ta’ bażi soda edukattiva u kulturali, minkejja l-progress li sar matul is-snin. Min hu tassew elitista jħabrek biex il-poplu jibqa’ lura ħalli jisfruttah b’mod ċiniku. Iżda hi mhux hekk għamlet: tirrabja li tarah isir għodda silenjuza ta’ poter assolut. Iċ-ċanfiriet iebsa tagħha trid taqrahom f’dan id-dawl. Ma kinitx tittolera li, min qiegħed b’xi mod fil-ħajja pubblika, ma jimxix ma’ kodiċi ta’ mġieba mistennija minnu.
Aħna qegħdin hawn u hawn se nibqgħu, niġġieldu biex toħroġ il-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Grazzi għal ponn nisa kuraġġużi, din issa saret ukoll il-pjazza simbolu tar-reżistenza kontra stat awtoritarju li lanqas jaħmel ftit fjuri u ftit xemgħat jixegħlu. Dawn l-atti barbari, li Malta issa għandha r-rekord dinji dwarhom, jmorru kontra ċ-ċiviltà.
Aħna qegħdin quddiem il-Qrati. Il-liġi bla ċiviltà hi bħal ġisem bla moħħ, bla ħajja u bla ruħ. Ġurnalista ġiet assassinata b’mod barbaru. Ġiet assassinata għax qalet il-verità. Ġiet assassinata għax fehmet in-nisġa tax-xibka perversa bejn il-poteri korrotti, l-interessi ekonomiċi illegali u r-rabtiet sigrieti fuq pjan nazzjonali u internazzjonali. Dan kollu Caruana Galizia fehemitu sew. Għalhekk ġiet assassinata.
Aħna qed naraw il-kollass istituzzjonali ta’ dan il-pajjiż u tas-saltna tad-dritt. Iżda agħar minn hekk, qed naraw il-kollass tas-sens taċ-ċiviltà. Se nagħti eżempju wieħed. Wara l-aħħar elezzjoni, u ovvjament għalhekk saret qabel żmienha, in-numru ta’ voti sar ifisser li l-politiku jingħata blank cheque u hu ħieles li jwettaq dak li jidhirlu bl-ikbar impunità. Biex inkunu ċari. Is-sisien demokratiċi tal-pajjiż ġew mibdula f’sura ta’ gvern oligarkiku, fejn min għandu l-flus li jagħlef l-elettorat, jiġi protett minn min ivvutalu stess. Il-mantra perversa tkun: in-nies tellgħuh. Hekk inbena kull stat awtoritarju. Il-bejgħ tal-passaporti serva ukoll, fost l-oħrajn, biex Malta sservi bħal żiemel ta’ Troja, billi jidħlu ġewwa l-Ewropa oligarki b’għanijiet li tistgħu timmaġinaw.
Il-popli ċivili jimxu fuq l-aħjar eżempji fl-istorja tal-umanità. Il-popli maħkuma jitkellmu l-ħin kollu dwar il-liġi, waqt li jħottu l-ispirtu tagħha. Jħottu fi kliem ieħor is-saltna tad-dritt.
Caruana Galizia fehmet u ħaddmet sew idea fundamentali fil-ħajja demokratika: int bniedem ħieles u mhux skjav, jekk int tiddeċiedi li tkun ħieles u mhux skjav. U ħallset b’demmha f’pajjiż maħkum. F’pajjiż fejn il-kelma ċiviltà qed issir dejjem iktar munita bla valur.