Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat imxandar mit-Times of Malta fejn il-ġurnalist Ivan Camilleri jinstema’ jfakkar lil Joseph Muscat li l-Prim Ministru tagħna qed jagħżel li jevita lill-membri tal-istampa bħallikieku dawn għandhom il-pesta. Għaliex il-verità hi li għadhom jeżistu ġurnalisti li ma ddakkrux mill-istat kontinwu ta’ diżappunt li, fuq medda ta’ aktar minn ħames snin, irrenda lil uħud minnhom bla ruħ.
F’Ottubru 2017, is-Sunday Times of Malta kienet xandret l-aħbar li l-gvern kien “irrakkomanda” lil Adrian Hillman biex ikun mermbru tal-Board of Trustees tal-hekk imsejjaħ American University of Malta. Issa rriżulta li dan fil-fatt huwa r-rappreżentant tal-gvern fl-AUM.
Jien kont ikkummentajt dwar din l-aħbar f’post li kont intitolajtu bil-kliem: “din m’hix xejn ħlief impunità fi stat tal-mafja”.
Jien kont ktibt hekk: “Adrian Hillman ‘allegatament’ jinsab fiċ-ċentru ta’ katina ta’ ħasil ta’ flejjes li magħha jinsabu mdaħħlin il-Prim Ministru, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-ministru favorit tiegħu Konrad Mizzi, l- accountants Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT u Malcolm Scerri, li huwa msieħeb fin-negozju maċ-chief of staff tal-Prim Ministru.
Ktibt il-kelma “allegatament” għax il-Pulizija għażlet li ma tiċċaqlaqx u ma tiħux passi minkejja l-fatt li xxandru l-provi, u għalhekk ma setax ikun hemm kundanna minn qorti.”
“Minn evidenza dokumentata li xxandret, jirriżulta li Adrian Hillman – fiż-żmien meta dan kien id-direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers u tal- Progress Press – kien irċieva ħlasijiet mingħand Keith Schembri. Dawn il-ħlasijiet huma s-suġġett ta’ inkjesta maġisterjali.”
F’Ottubru 2017, jiena kont sejjaħt lir-“rakkomandazzjoni” li kienet saret lil AUM biex Adrian Hillman jinħatar membru tal-Board of Trustees tagħha bħala att ta’ impunità. Huwa ħafna agħar minn hekk il-fatt li issa rriżulta li huwa ġie nominat bħala rappreżentant tal-gvern.
Din m’hi xejn ħlief manuvra mimlija arja diretta lejn il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta li kien talab Simon Busuttil (liema nkjesta għadha għaddejja) dwar dak kollu li rriżulta mill-Panama Papers dwar il-korruzzjoni ta’ Keith Schembri u ta’ Adrian Hillman.
Araw ftit Joseph Muscat x’qal lil Ivan Camilleri. Qisu qed jippretendi li l-inkjesta tal-Maġistrat se jagħlaqha hu u bħal donnu jistenna li għandha ssir apoloġija lil Adrian Hillman.
Hekk sewwa! Jippretendi li lil Adrian Hillman għandna nitolbuħ skuża għaliex bis-saħħa tal-Panama Papers kienu inkixfu l-borom li rċieva €650,000 f’kontijiet bankarji barra minn Malta mingħand Keith Schembri fiż-żmien meta dan kien għadu Direttur Maniġerjali tal-kumpannija li hi sidt it-Times of Malta.
Il-verità hi li l-Prim Ministru eżattament m’huwiex jagħmel l-arja ma’ Ivan Camilleri jew miegħi jew ma xi ħadd ieħor. Fil-mira tal-Prim Ministru hemm persuna speċifika. Tiftakru meta kien wissa’ pubblikament lill-Maġistrat Aaron Bugeja minn fuq it-televiżjoni li dan kien se jkollu jiffaċċja l-konsegwenzi kemm il-darba l-konklużjonijiet tar-rapport dwar Egrant li kien qed imexxi ma jkunux jogħġbuh?
Issa qed jerġa’ jagħmel l-istess ħaġa b’riżq Adrian Hillman, il-ħabib tal-imgħallem tiegħu. Hawn qed jibgħat messaġġ ċar lill-Maġistrat Inkwirenti li qed imexxi l-inkjesta dwar l-iskandlu Hillman li għalih il-kwistjoni issa hi magħluqa u li Adrian Hillman huwa rappreżentant xieraq tal-gvern, minkejja l-provi li jeżistu kontrih.
M’hemmx dubju li huwa xieraq li l-prim ministru tagħna huwa rappreżentat minn ħalliel f’proġett mimli dellijiet bħalma hu l-American University of Malta. Voltaire darba kien stqarr li l-Imperu Qaddis Ruman la huwa qaddis, la huwa Ruman u lanqas m’hu imperu. Bl-istess mod nistgħu ngħidu li l-American University of Malta la huwa Amerikan u lanqas m’hu Università.
Iżda, balleċ, dan huwa ta’ Malta daqs kemm Malta nnifisha hija wkoll ta’ din iċ-ċorma ta’ ħallelin.