Repubblika iddaħħal rikors fil-qorti biex titlob inkjesta dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri

By
2019-03-08T15:49:04+01:00Fri, 8th Mar '19, 15:49|0 Comments

Din l-istqarrija b’vidjo inħarġet illum minn Repubblika wara li rappreżzentanti tal-organizzazzjoni daħħlu rikors fil-qorti biex jitolbu inkjesta dwar Konrad Mizzi, Keith Schembri, min xtrahom u min għenhom jinxtraw. It-test tal-istqarrija jinsab wara l-vidjo u miegħu ir-rikors u d-dokumentazzjoni li ddaħħlu l-qorti llum.

Aħna ta’ Repubblika llum għamilna rikors fil-Qorti biex nitolbu li ssir inkjesta dwar reati li aħna qed nallegaw twettqu minn Keith Schembri u minn Konrad Mizzi u dawk li xtrawhom jew għenuhom jinxtraw.

Fl-applikazzjoni tagħna qed inniiżżlu sensiela ta’ provvedimenti tal-liġi dwar il-ħasil tal-flus li aħna qed nallegaw li Keith Schembri u Konrad Mizzi kisru biex ħbew jew ipprovaw jaħbu qliegħ mill-kriminalita’ u l-korruzzjoni.

L-informazzjoni kollha li fuqha hi premessa l-allegazzjoni tagħna hi fid-dominju pubbliku. Hi magħmula mir-rivelazzjonijiet ta’ tlett snin ilu ta’ Daphne Caruana Galizia u sostnuta minn evidenza li saret magħrufa minn dak inhar ‘l hawn: ir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers; ir-rapporti tal-FIAU; u r-rivelazzjonijiet minn investigazzjonijiet ta’ ġurnalisti f’The Daphne Project.

Hemm ferm aktar minn evidenza ta’ natura prima facie li tesiġi allura li dawn il-persuni ma jibqgħux jingħataw ażil politiku mill-prim ministru u jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-ġustizzja.

Aktar kmieni llum id-Deputat Simon Busuttil għamel rikors simili għal tagħna li jkompli fuq l-insistenza tiegħu biex tittieħed azzjoni skond il-liġi li kien beda meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.

Meta jagħmel rikorsi bħal dawn hawn fil-Qorti, Simon Busuttil jilbes il-vesti li huma ħwejjiġna lkoll: ta’ ċittadin li għandu l-interess, bħal m’għandu kulħadd, jara li l-liġi f’Malta titħaddem l-istess għal kulħadd.

Bħala organizzazzjoni tas-soċjeta’ ċivili impenjata fil-qasam tal-governanza tajba, tal-ħarsien tas-saltna tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inħossu li hi l-missjoni tagħna bħala Repubblika li nsusu fuq l-istituzzjonijiet biex jagħmlu xogħolhom.

Qegħdin hawn għax f’dan il-każ falliet il-pulizija, falla l-Avukat Ġenerali, falliet l-FIAU u f’deċiżjonijiet preċedenti li ħadet falliet ukoll il-ġudikatura. Ifalli wkoll kuljum il-Prim Ministru li meta jipproteġi ‘l-kriminali taħt dirgħajh, irendi lilu nnifsu kriminal ukoll. Min ikenn lill-ħalliel maħrub ikun ħalliel daqsu. Dan hu ksur lampanti tal-valuri tagħna u tal-valuri Ewropej tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt.

Nantiċipaw li ser ikun kontestat bil-qawwa minn dawn il-ħallelin, il-jedd legali tagħna li nilmentaw fuqhom. Se jgħidu li m’għandniex locus standi għax lilna ma serqulna xejn. Kull min iħallas kont tad-dawl f’Malta qed iħallas lil fornitur li għandu kuntratt mill-gvern għax l-uffiċjali responsabbli li jtihulhom inxtraw. Kull min iħallas kont tad-dawl f’Malta qed jinsteraq minn dawn il-ħallelin u għandu dritt jinsisti li l-istituzzjonijiet jieħdu azzjoni biex jipproteġuh.

Qed ninsistu li tiġi applikata l-liġi ta’ Malta kompletament. U l-liġi ta’ Malta tinkludi wkoll id-direttivi Ewropej dwar il-ħasil tal-flus li fost affarijiet oħrajn jobbligaw lill-istat Malti li jagħti rimedju meta jinkisru dawn id-direttivi. Jekk ir-rikors li għamilna llum ma jintlaqax, l-istat Malti jkun qed jiċħad l-aħħar rimedju possibbli u allura jikser il-liġi Ewropea li tapplika f’Malta.

Għalkemm fuq il-bażi ta’ daqs tant evidenza lampanti ma nippretendux li għandu jkun daqshekk diffiċli li tittieħed id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta, m’għandna l-ebda illużjoni li għandna xi triq faċli quddiemna.

Tifhmu allura li jekk illum ma ninstemgħux, il-kampanja tagħna ma tiqafx hawn.

Qed nippubblikaw ir-rikors li għamilna fil-mezzi tal-istampa.

Fl-aħħarnett f’Jum il-Mara nsellmu lil Daphna Caruana Galizia li sbatax-il xahar ilu nqatlet għax iġġieldet għas-saltna tad-dritt u kontra l-korruzzjoni u l-lillegalita’. Dmirna naraw li l-ġlieda tagħha ma tmutx magħha.

PANAMAPAPERS (NEW) REPUBBLIKA FINAL (PDF)

DOK1

DOK2

DOK3

DOK4

DOK5

DOK5A

DOK6

DOK7

DOK8

DOK9

DOK10

DOK11

DOK12

DOK13

DOK14

DOK15

DOK16

DOK17

DOK18

DOK19