Joseph Muscat bħal donnu jkun iridna nemmnuh meta jgħid li dawk il-politiċi li moħħhom biss li jibqħu ggranfati mas-siġġu tal-poter issa qed ixebbgħuh u ħareġ bl-idea li persuna m’għandhiex isservi fil-Parlament għal aktar minn 20 sena. Qal ukoll li min jinħatar Prim Ministru għandu jagħmel il-wisgħa għal ħaddieħor fi żmien 10 snin.

Wieħed dejjem jkun irid jara x’ikun hemm mistur meta Joseph Muscat ilissen diskors bħal dan. Diskors li fil-fatt m’huwiex wieħed li qatt ma nstema’ qabel.   “Għaxar snin biżżejjed” kien iddikjara Alfred Sant fil-kampanja elettorali tal-1996 meta ried ipinġi lil Eddie Fenech Adami bħala politiku għajjien u skadut u lilu nnifsu bħala l-mexxej żgħażugħ tal-futur.

Iżda fil-fatt x’kien ġara’? Iż-żgħażugħ Alfred Sant kien għoddu għarrqilna l-futur tagħna meta ddeċieda li jostakola s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. L-iskadut u għajjien Eddie Fenech Adami kien għad fadallu x’jagħmel biex jassigura li l-vapur Malti jasal qawwi u sħiħ fil-port tal-Ewropa.

Is-sitwazzjoni tal-lum hi għal kollox differenti. Min qed jissuġġerixxi li Prim Ministru m’għandux iservi għal aktar minn 10 snin huwa l-Prim Ministru attwali nnifsu. Il-persuna li hi kunsidrata bħala l-unika alternattiva għalih – mhux adattata kemm hi mhux adattata – għadha m’għamlitx ġurnata waħda f’kariga pubblika u għalhekk Joseph Muscat m’għandux għalfejn joqgħod joħroġ b’xi bakketta maġika biex jipprova jilqa’ għall-isfida ta’ Adrian Delia.

It-termini ta’ żmien għall-politiċi huma ħaġa rari f’demokraziji Parlamentari. Jien naf b’każ wieħed biss: fil-Filippini, s-Senaturi u l-Membri Parlamentari ma jistgħux iservu għal aktar minn żewġ termini u dan ifisser li jkollhom iwarrbu wara li jkunu servew għal 12 il-sena f’kariga pubblika. Wieħed għandu jsemmi li dawn it-termini ta’ żmien għall-Parlamentari Filippini ta’ spiss fetħu l-bibien beraħ għat-tirannija Presidenzjali li l-pajjiż għadda minnha fl-imgħoddi u li qed igħaddi minnha wkoll bħalissa. Fis-sistemi Parlamentari, il-Membri tal-Parlament iservu ta’ rappreżentati u mhux ta’ amministraturi u għandhom is-setgħa li jilleġislaw u li jagħmlu għassa fuq l-eżekuttiv. F’dawn is-sistemi l-eżekuttiv huwa kontabbli direttament lill-Membri tal-Parlament u l-mekkaniżmu ta’ għassa bilanċjata magħrufa bħala “checks and balances” tassigura li jkun hemm transizzjoni dinamika tas-setgħa.

Taħt is-sistemi Presidenzjali, uffiċjali eżekuttivi li jiġu eletti direttament mill-poplu jistgħu iservu biss għal terminu ta’ żmien. L-elezzjoni diretta tagħhom tagħtihom leġittimità li tillimita sew is-setgħa tal-poter leġislattiv u toħloq il-periklu li jkun hemm abbuż tal-poter minn min ikollu s-setgħa f’idejh. M’għandniex xi ngħidu, l-eżempju oriġinali l-aktar famuż huwa dak tal-President tal-Istati Uniti. Il-membri tal-Kungress u s-Senaturi fl-Istati Uniti  ma jservux għal perijodu ta’ żmien fiss. Il-President ma jistax jiġi mġiegħel iwarrab jekk mhux permezz ta’ impeachment motion li jkollha tiġi approvata minn maġġoranza fis-Senat. Madankollu l-esperjenza tad-demokrazija fl-Amerika turina President tant ikollu influwenza politika li x’aktarx ikun inevitabbli li l-votanti jerġgħu jagħtuh il-fiduċja u jivvotawlu. Wara kollox, Napuljun Bonaparte hekk kien għamel: minn wieħed minn tliet Konsli spiċċa biex sar Imperatur grazzi għall-appoġġ popolari li kellu bis-saħħa tas-suċċessi militari li kien kiseb.

Fi kliem ieħor, l-esperjenza turina li fid-demokraziji parlamentari ma jeżistux termini ta’ żmien. Dawn jeżistu f’sistemi li jħaddnu sistema Presidenzjali. Ma naħsibx li, b’dak li lissen, Joseph Muscat ħa xi żball u jidher li hemm xi ħaġa li qiegħda tberren f’moħħu. Ir-rimarka li għadda dwar it-termini ta’ żmien m’hi xejn ħlief parti minn kampanja mnedija biex biex tiksi l-pillola b’xi ftit zokkor. Waqt li kien qed jilmenta dwar dawk il-politiċi li moħħhom biss biex jibqgħu iggranfati mas-siġġu tal-poter, għażel lil George Vella għall-kariga ta’ President. L-istess George Vella li ilu fil-politika Maltija għal żmien twil ħafna. Kienu l-voti tiegħu li żammew lil Dom Mintoff, lil Karmenu Mifsud Bonnici u lil Alfred Sant fis-setgħa qabel ma tfaċċa Joseph Muscat innifsu. Kien ivvota favur il-bulk buying, favur in-newtralità bejn l-Ewropa ta’ Kajjin u ta’ Abel, favur l-għeluq tal-iskejjel tal-Knisja, favur il-friża tal-applikazzjoni ta’ Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u favur iż-żamma ta’ Konrad Mizzi fis-setgħa.

Joseph Muscat wera’ li ma xebgħax minn wiċċ George Vella minkejja l-fatt li ilu snin twal fil-politika. Dak li jgħid Joseph Muscat tkun trid dejjem tgħaddih mill-għarbiel. Iżda meta jitkellem dwar termini ta’ żmien, ma tistax ma xxommx li jkun qed jimmanuvra favur aktar konċentrazzjoni ta’ setgħa.