Dan l-aħħar ġietni f’moħħi frażi li darba kien uża Simon Busuttil — ‘Labour-proof’ — frażi li tal-Labour qalgħuha mill-kuntest tagħha u tkażaw dwarha għax, skont huma, ħolqot il-firda. M’għandniex xi ngħidu, l-intenzjoni wara dik il-frażi kienet li titqiegħed ir-responsabbiltà fuq spallejn dawk li huma mċappsin bil-korruzzjoni.

Hemm dawk li jgħidu li huma “oġġettivi” li jsostnu li n-Nazzjonalisti jaħtu għall-korruzzjoni tal-Labour għaliex meta kienu fil-gvern tal-PN m’għamlux biżżejjed billi jgħaddu liġijiet u joħolqu istituzzjonijiet b’biżżejjed setgħa li jieqfu kontra l-abbużi ta’ poter li mdorri jwettaq gvern Laburista.

Din il-kwalità ta’ loġika ma tagħmilx sens. L-ewwel nett, turi li mingħand tal-Labour wieħed m’għandux jistenna mġieba ta’ livell għoli. Kważi kważi wieħed jistenniha li dawn ser igħumu fil-ħama tal-korruzzjoni biex b’hekk meta jkunu fgati fil-ħmieġ, wieħed għandu jiskużahom bħallikieku dawn m’għandhomx jitqiesu responsabbli għal għemilhom.

It-tieni, din il-kwalità ta’ loġika tassumi li l-istituzzjonijiet u l-liġijiet minnhom innifishom jistgħu jwaqqfu politiċi populisti u korrotti milli jagħmlu li jridu.

Aqraw ir-rapport eċċellenti li xandar illum Ivan Camilleri dwar ir-rapport tal-Ombudsman dwar l-inġustizzji li twettqu fi ħdan il-Forzi Armati. L-Ombudman huwa istituzzjoni li twaqqaf minn Nazzjonalisti u ngħata s-setgħa li jaġixxi b’mod awtonomu u biex jinvestiga abbużi amministrattivi mwettqa mill-gvern. Hekk kif ittanta jinvestiga l-mod kif kienet ġiet maħkuma l-armata minn ċorma pupazzi politiċi li l-uniku interess li lellhom kien li jaqdu l-interessi tal-Partit Laburista, l-Ombudsman ma sab ebda koperazzjoni mill-gvern li saħansitra rrifjuta li jgħaddilu files amministrattivi.

L-Ombudsman spiċċa biex daħħal lill-gvern il-Qorti u talab li jitħalla li jagħmel xogħlu u eventwalment ħareġ rapport li m’huwa xejn ħlief prova ċara li fl-2013 tul medda ta’ tliet xhur, il-gvern Laburista qeda’ bil-promozzjonijiet lill-bażużli tiegħu, qabbiżhom fuq oħrajn li kienu mħarrġin ħafna aktar minnhom u lill-armata rrendiha f’fergħa armata tal-Partit Laburista.

L-element ewlieni ta’ din l-istorja jikkonsisti fil-fatt li l-Ombudsman kien jeħtieġ il-ħarsien tal-Qorti biex seta’ jwettaq xogħlu.

Il-ħakma fuq il-Qrati hija proċess ferm aktar komplikat mill-ħakma fuq l-armata. Iżda tal-Labour qed jaslu għal dan ukoll bil-mod il-mod.

Fil-Facebook illum Jason Azzopardi għamel osservazzjoni f’waqtha. Fis-16  il-xahar li ġejjin, se jinħolqu 9 vakanzi fi ħdan il-Ġudikatura u l-gvern mistenni jkompli bil-programm tiegħu li jagħti bixra Laburista lill-ġudikatura. F’dawn l-aħħar 5 snin diġà ħataf kull opportunità biex iwarrab lil kull min waqaflu.

Ftit snin ilu, kienu warrbu pjan li permezz tiegħu l-imħallfin setgħu jibqgħu fil-kariga sal-età ta’ 68 sena u dan biex jassigura li jeħles malajr minn dawk l-imħallfin li ma jiddejqux li jieqfulhom u jqiegħdu flokhom il-bażużli tagħhom.

Mhux diffiċli li tintebaħ bix-xejriet. Sa ftit snin ilu l-President tal-Għaqda tal-Imħallfin u l-Maġistrati kien id-deputat mexxej tal-Partit Laburista. Toni Abela, dak tal-blokka bajda u tal-“pulizija Laburist”, ma tħalliex jokkupa kariga fil-qorti Ewropea tal-Awdituri minn kumitat Parlamentari Ewropew li wera’ t-tħassib tiegħu wara li nstemgħa jammetti fuq tape jimmanipula pulizija segwaċi tal-Labour biex igħatti l-ispaċċjar tad-droga minn proprjetà tal-Partit Laburista.

Jekk isiru disa’ ħatriet oħra ta’ din il-kwalità, il-ġudikatura se ssir fortizza Laburista.

Jekk tal-Labour jitilfu l-elezzjoni, soluzzjoni puwerili, partiġġjana u kontro-produttiva tkun li gvern Nazzjonalista jipprova jerġa’ joħloq ċertu bilanċ. Ngħid is-sewwa li l-ħatra ta’ mħallfin b’simpatiji Nazzjonalisti m’hi soluzzjoni xejn.

Il-ħatriet fil-ġudikatura li kienu saru mill-PN sal-2013 kienu msejsa fuq il-kwalitajiet personali ta’ dawk li nħatru irrispettivament mit-twemmin politiku tagħhom. Ċertament saru żbalji wkoll u hawn qed nirreferi għall-ħatriet ta’  Noel Arrigo u ta’ Patrick Vella.

Il-kwistjoni m’hix dwar l-iżbalji li jsiru fl-għażliet tal-ġudikanti iżda tittratta dwar ħatriet li ma jkunux imsejsa fuq il-ħiliet professjonali ta’ dak li jkun iżda fuq il-lejaltà lejn il-partit.

Tal-Labour mhux biss qegħdin fil-proċess li jestendu l-ħakma tagħhom fuq il-ġudikatura: qegħdin ukoll ineħħu l-possibilità li tistab tarf ta’ din il-problema fil-ġejjieni. Jekk ir-riformi kostituzzjonali – kif għandu jkun – ineħħu minn idejn il-Prim Ministru s-setgħa li jaħtar l-imħallfin, l-unika alternattiva li jkun fadal tkun li l-imħallfin il-ġodda jinħatru minn imħallfin oħra.

Bl-imġieba tagħhom, tal-Labour qed jestendu l-ħakma tagħhom fuq il-ġudikatura biex, hekk kif din kontra qalb il-gvern tingħata l-awtonomija, isservi ta’ ostaklu kontra min ikun irid jieqaf lil tal-Labour fil-qrati.

Meta tal-Labour riedu jqaċċtu l-irjus fi ħdan l-armata, ħatru kumitat dwar il-promozzjonijiet li kien kompost minn persuni li ma kienu jifhmu assolutament xejn f’kwistjonijiet ta’ natura militari. U meta mbagħad tlaħħqu l-bażużli tagħhom, għaġnu lill-armata fil-forma li riedu li jagħġnuha.

Madankollu sabu fin-nofs lill-Ombudsman u lill-Qrati. Dawn ma waqqfuhomx iżda kienu biżżejjed biex joħolqulhom ix-xkiel.

Din hi r-raġuni għala jinsabu ggranfati mas-setgħa li għandhom fl-armata, fis-servizz ċivili u fil-pulizija. Tal-Labour jonqoshom biss li jestendu l-ħakma fuq il-ġudikatura.