Is-sondaġġi ta’ kull xahar imxandra mill-Malta Today, li l-bieraħ ġew konfermati wkoll minn it-Torċa, jkomplu jikkonfermaw ix-xejra konsistenti li tkejjlet fuq aktar minn sena sħiħa dwar id-differenza enormi ta’ 70,000 elf vot bejn il-PL u l-PN. Għalkemm mis-sondaġġi li ttieħdu riċentement, jidher li l-PN għamel pass żgħir ‘il quddiem, il-mexxej tiegħu kompla jegħreq ‘l isfel f’dik li hi fiduċja espressa fih. Nofs dawk li vvotaw PN fl-2017 iddikjaraw li m’għandhomx fiduċja f’Adrian Delia. Il-baħar jaqsam bejn il-fiduċja espressa fih u dik espressa fil-konfront ta’ Joseph Muscat għadu tal-waħx: qatt ma kien hemm riżultat daqshekk ħażin għal Kap tal-Oppożizzjoni kemm ilhom jittieħdu s-sondaġġi b’mod regolari.

Il-PN lanqas biss jista’ jittama li s-sitwazzjoni tista’ titranġa fil-ġejjieni: is-sondaġġi xejn m’huma inkoraġġanti. Il-PN ikun jista’ jegħleb lil tal-Labour jekk jivvotaw biss l-anzjani. Fost il-votanti, dawk li għandhom 36 sena jew inqas x’aktarx jivvotaw lill-PL bid-doppju milli lill-PN. Iż-żgħażagh jidher li tnaffru minn mal-PN b’mod mill-aktar drammatiku.

Fuq ir-radju l-bieraħ Joseph Muscat stqarr li l-elezzjonijiet Ewropej se jkunu “diffiċli” għal tal-Labour: hawn applika l-psikoloġija klassika bil-maqlub għax jaf li l-partit jeħtieġ li jimmobilizza lill-votanti biex dawn ma jkunux kunfidenti żżejjed. Rebħa konvinċenti, li diġa qed tidher fix-xefaq, tiġġustifika l-iggranfar li għandu fuq is-setgħa Joseph Muscat kif ukoll l-impunità tal-Ministri u ta’ uffiċjali Laburisti mdaħħlin fi skandli dwar korruzzjoni.

L-istejjer li xxandru ‘l bieraħ f’The Sunday Times of Malta u fil-Malta Today dwar il-manuvri esploratorji li qed jagħmel Konrad Mizzi b’rabta ma’ kampanja għat-tmexxija tal-partit m’hi xejn ħlief riflessjoni ta’ din il-kunfidenza żejda. Konrad Mizzi għandu għal xiex jinkwieta li b’Joseph Muscat barra minn Kastilja – dejjem kemm il-darba l-mexxej preżenti jżomm kelmtu u jwarrab matul din is-sena – ma jkunx jista’ jkompli jserraħ rasu li se jkompli jsib il-kenn li għandu bħalissa u li jfeġġ il-periklu li jistgħu jittieħdu passi kontrih tad-delitti kriminali li jinsab suspettat li wettaq.

Ċertament Konrad Mizzi se jħossu inkoraġġit mill-appoġġ li għandu fost l-għeruq tal-partit li bħal donnhom jappoġġjawh b’aktar saħħa aktar ma jixxandru stejjer dwar l-imġieba korrotta tiegħu. Hemm ukoll attivisti oħrajn fil-Partit Laburista li lil Konrad Mizzi xejn ma jarawħ ħelu iżda dawn jistgħu faċilment jgħattu n-nuqqas ta’ grazzja li għandhom miegħu minħabba l-kunfidenza żejda li jistgħu iħossu għax jafu li b’partit tal-oppożizzjoni fl-istat imwiegħer li jinsab fih, diffiċli li teffettwa ħażin il-vantaġġ sod li l-Partit Laburista għandu fis-sondaġġi.

L-appoġġ sod u kostanti li għandu l-Partit Laburista qed jagħti l-lala lill-politiċi korrotti biex ifittxu l-kenn tal-partit biex jitgħattielhom xturhom u biex ikompli jmexxuha li ħadd u xejn ma jista’ għalihom. Araw kemm qabżu u għolew huma u jkantaw kanzunetta partiġġjana  “ma tagħmlu xejn …” li biha riedu jwassluha li għalihom ma jista’ ħadd. Minkejja l-iskandli u r-rivelazzjonijiet kollha li qed ifeġġu, il-PN jidher li m’għandux il-ħila li jiġbed l-appoġġ kemm jekk iżomm il-bogħod milli jikkritika n-nuqqas ta’ governanza tajba kif ukoll jekk, kontra qalbu, ireġġa’ lura l-hekk imsejjħa istrateġija ta’ “mod ġdid” ta’ appoġġ pożittiv għal inizjattivi tal-gvern li jkun jaqbel magħhom.

L-istatistika konfermata xahar b’xahar turi li l-fiduċja limitata ħafna f’Adrian Delia rrendiet lill-PN f’partit li ma jista’ qatt jirbaħ il-gvern kemm il-darba huwa jibqa’ fit-tmun u hu tabilħaqq ta’ skantament li dan il-fatt għadu ma ġiegħelx lill-partit  – kemm l-għeruq tiegħu kif ukoll il-mexxejja storiċi –  jikkunsidraw x’alternattivi jeżistu għalih.

Min jaf, forsi r-riżultati diżastrużi li l-PN jidher li se jkollu ma’ wiċċu f’Mejju li ġej ser iwasslu għal konsegwenzi li s’issa s-sondaġġi għadhom ma wasslux għalihom?