F’nofs dan id-diskors kollu li qed isir dwar inkjesti maġisterjali, hemm kwistjoni waħda li għadni ma nistax nifhimha. Hawn xi pajjiż fid-dinja fejn min ikun taħt suspett jiddeċiedi hu stess meta u b’liema mod għandu jiġi investigat?

Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li fih ġurnalista ta’ One TV tidher tisfida lil Adrian Delia biex isejjaħ għal inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjoni f’rapport mhux imxandar tal-FIAU li minnu suppost jirriżulta li Adrian Delia jinsab suspettat b’ħasil ta’ flus ġejjin mill-qliegħ ta’ briedel f’Soho.

Din m’għamlet xejn ħlief irrepetiet dak li stqarr Joseph Muscat xi ġranet ilu.

Adrian Delia ifakkar li fil-fatt huwa kien sejjaħ għat-tnedija ta’ inkjesta maġisterjali. M’għandiex xi ngħidu, fir-rapport li xandret it-Times of Malta din tiċċara li fit-tweġiba li ta Adrian Delia, huwa ma kienx qed igħid kollox. L-inkjesta li huwa semma’ qegħda tinvestiga l-allegazzjoni li għamel Adrian Delia li xi ħadd kien iffalsifika l-firma tiegħu fuq is-suppost provi li hemm kontrih u fil-fatt m’hix tinvestiga kienx ħasel flejjes ġejjin mill-prostituzzjoni f’Londra jew le.

Għaldaqstant dak li qed jiġri huwa li qed issir investigazzjoni dwar jekk humiex ġenwini jew le provi li jistgħu jintużaw f’xi investigazzjoni dwar jekk ħasilx flus maħmuġin jew le.

Hawn m’jinix nilgħab bil-kliem. Anki jekk, għall-grazzja tal-argument, jirriżulta li dak li allega Adrian Delia fis-sens li provi kontrih huma mbagħbsa, dan ma jfissirx li l-każ dwar jekk ħasilx flus maħmuġin jew le jista’ jingħalaq. Investigazzjoni biss tista’ tasal biex tikkonkludi x’evidenza ġenwina teżisti li tkun tista’ tipprova l-allegazzjoni.

Allura jekk jien noqtol li xi ħadd u jarawni noqtol żewġ xhieda, iżda jkun hemm it-tielet xhud, li fil-fatt ma jkun ra xejn iżda li jkun irid jarani kkastigat, li jigdeb li jkun rani noqtol, ma jfissirx li jien għandi niġi liberat jekk dan it-tielet xhud jinqabad jigdeb.

M’għandniex xi ngħidu, tkun meħtieġa investigazzjoni dwar il-gideb ta’ dan it-tielet xhud. Madankollu din l-investigazzjoni m’għandhiex iżżommni milli niġi dikjarat ħati bis-saħħa tax-xhieda li jkunu taw iż-żewġ xhieda l-oħra li kienu raw kollox.

Iżda l-borma tinsab inħawwda aktar minn hekk. Meta Simon Busuttil lill-Maġistrati talabhom jinvestigaw il-Panama Papers, il-Qorti tal-Appelli Kriminali ċaħditlu din it-talba u qaltlu li ma kellu ebda interess ġuridiku li jagħmel talba bħal din.

Iżda meta Joseph Muscat allega li kien ġie mixli b’mod falz – dejjem skont hu – li huwa miżżewweġ lil sidt l-Egrant u meta Adrian Delia allega li provi li huwa kien ħasel flejjes maħmuġin ġejjin minn briedel f’Soho – dejjem skont hu – ġew iffalsifikati, fiż-żewġ każijiet inbdew inkjesti maġisterjali.

B’dan il-kejl, jidher li l-uniċi persuni li għandhom interess ġuridiku li jitolbu li ssir inkjesta dwar l-allegat twettiq ta’ reat kriminali huma dawk li jkunu mixlija li wettqu r-reat.

Jiġifieri int tiġi mixli li xxaħħamt mill-Ażerbajġan jew li ħsilt flejjes maħmuġin ta’ min iħaddem il-prostituti u l-Maġistrati jibdew investigazzjoni dwar l-allegazzjoni tiegħek li qed tiġi mixli b’qerq.

Jiddispjaċini imma ma jfissirx dan li kollox ikun qed isir ta’ taħt fuq?

Dan allura jfisser li l-investigazzjonijiet li jsiru f’Malta u li jkunu jinvolvu lill-politiċi huma eżerċizzju fin-negattiv minflok eżerċizzju ta’ verifikazzjoni affermattiva dwar allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ liġi? Minn meta ‘l hawn li min hu taħt suspett jispiċċa biex jiddeċiedi hu jekk għandux u kif għandu jiġi investigat?

Adrian Delia għaliex għandu jiġi mistoqsi huwiex se jsejjaħ biex jiġi investigat? Jaqaw qed nerġgħu lura għall-Medju Evu? Lil Delia għandna noqgħodu nistaqsuh huwiex se jilqa’ l-isfida u jipprova l-innoċenza tiegħu? Jew forsi għandna norbtuh ma’ siġġu u narmuh il-baħar? Jekk jegħreq jibqa’ tiela’ l-ġenna; jekk jibqa’ ħaj, naħarquh ħaj bħala saħħar.

Dawn il-ġurnalisti mhux wara Adrian Delia għandhom jiġru. Għandhom jiġru wara Lawrence Cutajar: x’aktarx isibuh imeċlaq l-ikel f’ħalqu f’xi ristorant waqt li jkunu qed jilgħabu l-Inter u jkun imisshom jistaqsuh bil-mikrofonu taħt ħalqu x’bi ħsiebu jagħmel dwar ir-rapport tal-FIAU dwar l-imgħoddi mdelli ta’ Adrian Delia. Lawrence Cutajar huwa mħallas biex jinvestiga lill-kriminali, inklużi dawk il-kriminali li jilbsu pulit.

S’hawn kellna naslu f’dan l-imbierek pajjiż.

Tant qtajna qalbna li l-Pulizija se tagħmel dmirha li issa wasalna biex lill-allegati kriminali nistaqsuhom jekk għandhomx – dejjem jekk ikun jogħġobhom – jilbsu l-manetti!