Ulied il-Prim Ministru fallew l-iskola għal diversi ġranet biex setgħu jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom għal żjara fl-Abu Dhabi fejn tnieda l-Logħob Olimpiku Speċjali. Ħaddieħor li jkun ġiegħel l-uliedu jfallu l-iskola biex ikunu jistgħu jsiefru jkollu jiffaċċja l-konsegwenzi u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni jingħad li hu strett ħafna dwar din ir-regola.
Aqraw x’tgħid il-politika tad-Dipartiment li xxandret f’Ottubru 2014 dwar “l-attendenza fl-iskejjel”. Il-kliem “nuqqas ta’ attendenza bil-kunsens tal-ġenituri” huma mfissra bħala sitwazzjoni li fiha ġenitur japprova n-nuqqas ta’ attendenza tat-tfal fl-iskola jew ma jġiegħelx lit-tfal jattendu l-iskola. Din il-politika tirreferi għall-Att dwar l-Edukazzjoni li jgħid li “kull ġenitur huwa fid-dmir li jara li uliedu li huma tal-età tal-iskola jattendu l-iskola kuljum sakemm ma jkunx hemm raġuni li tiġġustifika l-assenza tagġhom mill-iskola”. Il-liġi tuża l-kelma “kuljum”. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni jrid jassigura li kulħadd jifhem sew xi tfisser il-kelma “kuljum”.
Araw x’kitbet The Malta Independent fl-2015 wara li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni ħareġ ċirkolari għall-iskejjel biex il-ġenituri jkunu jafu li “l-iskejjel mhux se jippermettu lit-tfal ifallu l-iskola biex ikunu jistgħu jsiefru, u dawn ser ikollhom iħallsu multa anki jekk it-tfal ifallu ġurnata waħda”. Ma nistgħux ngħidu li din is-sanzjoni ħadmet kif suppost. Aqraw x’kitbet fl-2017 it-Times of Malta fis-sens li “tħallsu biss ħamsa fil-mija tal-multi ammontanti b’kollox €500,000 li nħarġu kontra ġenituri li uliedhom fallew l-iskola bejn l-2013 u l-2017”.
Issa agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-kumment minn “għejjun fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni”: għalkemm il-gvern għandu l-ħeġġa kollha biex iwaħħal il-multi, l-infurzar m’hu effettiv xejn. “Il-multi jservu ta’ deterrent fuq dawk il-ġenituri li jonqsu, iżda dawn m’huma effettivi xejn fuq dawk il-ġenituri li jiġu jaqgħu u jqumu uliedhom ifallux l-iskola jew le”. Dawn l-għejjun komplew igħidu li kull sforz li sar biex il-ġenituri jiġu mġiegħla jħallsu l-multi spiċċaw biex ikkaġunaw ħsara lit-tfal. “L-isforzi kollha li saru fuq il-ġenituri biex jinġabru l-multi ma għenu xejn biex ġiegħlu lit-tfal jirritornaw lejn l-iskejjel”.
Kif jiġri ta’ spiss, min m’għaddiex mill-bieb, sab mezz biex igħaddi mit-tieqa. Iċ-ċirkolari tal-2015 tagħmel eċċezzjoni għal dawk it-tfal li jkun jeħtieġ li jsiefru għal raġunijiet mediċi jew meta dawn ikun jeħtieġ li jittieħdu fuq safra għal raġunijiet edukattivi. Dak iż-żmien The Malta Independent kienet irrappurtat hekk: “F’każijiet bħal dawn, min ikun responsabbli għat-tfal ikun jeħtieġ li jikteb lill-kap tal-iskola, li mbagħad ikun irid jiddeċiedi dwar jekk l-assenza tat-tfal mill-iskola hix ġustifikata jew le. F’kull każ ieħor, student li jfalli jigi kunsidrat bħala “assenti” u l-ġenituri jiġu mmultati”.
Meta talbu l-permess mingħand il-kap tal-iskola biex isiefru lil uliedhom lejn Abu Dhabi, min jaf Joseph u Michelle Muscat qalux li din iż-żjara kienet “waħda ta’ natura edukattiva”? Mid-dehra dan il-permess ingħatalhom għaliex fiż-żmien meta kienu Abu Dhabi, il-koppja Muscat kellhom il-Parents’ Day u ta’ San Anton School ħadu ħsieb biex jorganizzaw Parents’ Day speċjali għall-ġenituri speċjali – fil-fatt armawlhom kamra biex l-għalliema ta’ uliedhom setgħu jidħlu wieħed wieħed biex ikellmuhom dwar il-progress edukattiv ta’ wliedhom.
Mid-dehra kemm il-koppja Muscat kif ukoll l-iskola fejn jattendu wliedhom ma jaraw xejn ħażin f’dan kollu. Fil-fehma tiegħi, hemm ħafna x’wieħed jikkritika. Il-familja Muscat qed tiġi trattata bħallikieku hi xi waħda rjali: il-liġijiet li japplikaw għal ħaddieħor, ma japplikawx għaliha. L-edukazzjoni formali suppost qiegħda hemm biex tikkoltiva kultura egalitarja fost l-istudenti, huma min huma. Qiegħda hemm ukoll biex tikkoltiva kultura ta’ responsabbiltà u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġijiet. Jien konvint li l-koppja Muscat tippretendi li l-liġijiet ma jgħoddux għaliha u għalhekk ħadd m’għandu jiskanta li dawn jippretendu wkoll li l-liġijiet ma jgħoddux lanqas għal uliedhom.
Madankollu l-iskola għandha wkoll terfa’ r-responsabbiltà biex tassigura li, jippretendu x’jippretendu l-ġenituri, r-regolamenti għandhom igħoddu għat-tfal kollha. Din m’hix kwistjoni dwar ir-regolamenti tal-iskola, bħal dawk dwar meta għandha tiġi ffissata l-ġurnata tal-Parents Day. Hi kwistjoni wkoll dwar kif l-iskola għandha dejjem toqgħod għal-liġijiet u għar-regolamenti tal-pajjiż billi ma tittollerax li t-tfal ifallu l-iskola u li jekk dan iseħħ, l-awtoritajiet għandhom ikunu jafu dwar dan.
Hemm ukoll problema ferm akbar. F’dan il-pajjiż, il-ġenituri m’għandhomx l-istess kwalità ta’ impenn fejn tidħol l-edukazzjoni formali ta’ uliedhom. Hawn tfal li jfallu l-iskola ripetutament, ħafna drabi bil-barka tal-ġenituri tagħhom – ġenituri li jiġu jaqgħu u jqumu mill-edukazzjoni ta’ wliedhom u li kważi kważi jarawha żejda. Kif diġà rajna, lanqas bil-multi m’hu jinstab tarf. Ma jidhirlux il-Prim Ministru li hu stess għandu jagħti l-eżempju bl-imġieba tiegħu? L-attitudni tiegħu m’hi xejn ħlief konsistenti mad-disprezz li għandu fil-konfront tas-saltna tad-dritt – li fil-każ tiegħu hi biss biċċa għodda fl-eżerċizzju tal-poter tiegħu.
U l-bqija jċapċpu, b’rata ta’ entużjażmu li tvarja.