Kif għandu ħaddieħor, jien ukoll għandi l-fehmiet tiegħi dwar il-mina ta’ taħt l-art proposta għal bejn il-gżejjer Maltin. Iżda mhux bi ħsiebni nikteb dwar il-fehma tiegħi. Kif tistgħu tissoponu, jien għandi fehmiet sodi dwar it-trasport iżda minħabba l-fatt li għal xi żmien jien ħdimt fil-qasam tal-politika dwar it-trasport, ma nixtieqx inħallat kwistjoni ma’ oħra. Dan li ġej jittratta dwar il-governanza tajba u dik ħażina u dwar il-mod kif qed jitmexxa l-pajjiż.

Il-gvern talab vot fil-Parlament dwar jekk għandhiex titħaffer il-mina bejn Malta u Għawdex. hi ħaġa stramba kif mistoqsija bħal din saret lill-Parlament. Il-Parlament qiegħed hemm biex igħaddi l-liġijiet jew biex japprova l-għoti ta’ art pubblika għal skop speċifiku jew inkella jiddeċiedi dwar pjani strutturali li fuqu titfassal l-infrastruttura ta’ Malta. Iżda r-riżoluzzjoni tal-bieraħ ammontat għal sondaġġ. Il-membri parlamentari huma favur it-tħaffir ta’ mina bejn Malta u Għawdex? Il-membri parlamentari kollha ħlief dawk tal-PD ivvutaw favur. Nistaqsi: x’kien l-iskop wara t-teħid ta’ dan il-vot? Peress li l-Parlament m’għadda ebda abbozz ta’ liġi li tissorpassa l-liġijiet l-oħrajn kollha, għad irid iseħħ il-proċess kollu li jeħtieġ żvilupp ta’ dan il-kobor. Mil-lat tekniku, huwa possibbli li l-permess għat-tħaffir ta’ mina jiġi miċħud, liema proċess huwa mfassal biex jeskludi l-indħil tal-politiċi.

M’għandniex xi ngħidu, bejn l-intenzjoni wara l-varar tal-liġijiet u dak li jiġri fir-realtà hemm baħar jaqsam. Ilkoll nafu li l-indħil politiku jirrenja dejjem. Allura, ngħid jien, il-gvern kellu għalfejn joqgħod igħaddi riżoluzzjoni qabel il-każ jiġi trattat quddiem l-awtorità tal-ippjanar u quddiem ir-regolaturi l-oħrajn? Ir-raġuni hi li l-gvern jinsab inkwetat li, jekk isir studju serju mill-awtoritajiet konċernati, il-parir tagħhom ser ikun kontra t-tħaffir tal-mina. Il-loġika u r-raġuni jgħidulna li l-mina m’għandhiex titħaffer. Ix-xjenza, il-kejl tal-impatt ambjentali, l-analiżi tal-iżvantaġġi fil-konfront tal-iżvantaġġi u l-paragun ma’ għażliet oħrajn li jista’ jkun hemm x’aktarx ilkoll se jġiegħluna nikkonkludu li t-tħaffir tal-mina m’hi idea tajba xejn.

L-istudji dwar l-impatt ambjentali huma meħtieġa skont il-liġijiet u, għalkemm dawn jiswewna ħafna flus jisgħu jġiegħluna nitebħu li jkun aħjar li ma jsir xejn qabel ikun tard wisq biex ikun hemm rimedju. Fil-frattemp, hemm sensiela ta’ studji li saru u li qatt m’aħna ser naqraw il-konklużjonijiet tagħhom: dawn huma li l-persuni involuti fil-proġett għandhom kull interess li jseħħ għax b’hekk ikunu jistgħu jaqilgħu aktar flus. Għal dawn in-nies, il-proġett tal-mina għandu jseħħ, tgħid x’tgħid ix-xjenza u issa dawn għandhom warajhom is-saħħa taż-żewġ naħat tal-Parlament. Il-forzi politiċi tal-pajjiż – ikun x’ikun ir-riżultat tal-elezzjoni u jkun min ikun il-Ministru jew partit fil-gvern –  issa huma kommessi favur it-tħaffir tal-mina. U ser ikun f’dan l-isfond li ser jaħdmu n-nies tal-awtorità tal-ippjanar, tal-awtorità tal-ambjent, tal-awtorità tat-trasport u ta’ dawk l-aġenziji kollha li huma awtorità tal-isem biss għax ilkoll jafu li mal-magħmul m’hemmx kunsill.

Din m’hix kwistjoni dwar x’naħseb jien jew x’jaħsbu minoranza mdaqqsa ta’ nies dwar dan is-suġġett jew dak li tista’ taħseb maġġoranza ta’ persuni fil-ġejjieni. Hi kwistjoni dwar dawk li għandhom kull interess finanzjarju li l-proġett iseħħ. Minn dejjem konna nafu li l-interess finanzjarju ta’ dawn in-nies jirbaħ fuq kollox u fuq kulħadd. U issa jidher li bis-saħħa tal-vot li ttieħed fil-Parlament, tal-klassi politika huma lesti li jaqdu dawn l-interessi kummerċjali. Nerġa’ nfakkar li l-vot parlamentari li ttieħed ma kienx meħtieġ. Il-liġi ċertament ma kinitx teħtieġu u l-vot ammonta biss għal dikjarazzjoni politika intenzjonata biex telimina l-governanza tajba u l-applikazzjoni tal-liġijiet – liema liġijiet igħoddu għal kulħadd ħlief għal dawk b’interessi kummerċjali u finanzjarji.

Il-Parlament suppost huwa l-ogħla istituzzjoni demokratika f’pajjiżna. Dan ifisser ukoll li l-Parament għandu jkollu s-setgħa morali u legali li jkun jeħtieġlu jrażżan biex ikun jista’ jaġixxi fl-interess pubbliku. Il-PN fl-Oppożizzjoni huwa kompliċi mal-arja leġislattiva li qed jeżerċita l-gvern. Wħud minnhom privatament qed igħidu li ma kellhom ebda għażla. Il-mina se titħaffer xorta waħda u, għax ħafna mill-partitarji tagħhom iriduha sseħħ, ma setgħux jidhru koroħ magħhom.

Iżda l-verità hi li, kieku vvutaw kontra r-riżoluzzjoni favur it-tħaffir tal-mina, b’daqshekk ma setgħu qatt iwaqqfu t-tħaffir tagħha. Vot kontra kien jammonta għal protesta kontra l-mod goff li bih ġie imminat il-proċess u kontra l-fatt li l-gvern qed jaqta’ s-sentenza u jintimida lill-Parlament minkejja l-fatt li l-istudji dwar il-proġett kollu għadhom nejjin.

Għal dawn ir-raġunijiet biss tal-Oppożizzjoni kienu fid-dmir li jivvutaw kontra u kienu biss tnejn mill-membri tagħha —il-membri tal-PD — li kellhom il-kuraġġ li jagħmlu dan. X’aktar li l-koppja Farrugia tal-PD jidhrilhom li m’għandhom xejn x’jitilfu u dak li huwa abjad għandhom il-libertà li jsejjħulu abjad.

Iżda meta l-membri tal-Oppożizzjoni prinċipali jħossu li m’humiex ħielsa li l-abjad isejjħulu abjad, kif qalet tant tajjeb Martina Farrugia nhar it-Tlieta fil-Belt Valletta, inkunu qed niġu wiċċ imb’wiċċ mat-tirannija.