Sa din il-ġimgħa stess, il-mezzi tax-xandir madwar id-dinja xandru rapporti li permezz tagħhom esprimenw l-iskantament tagħhom għall-kampanja mxajtna li kuljum qed jagħmel il-gvern biex iwarrab fjuri, xemgħat u messaġġi li jitħallew minn membri tal-pubbliku mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir quddiem il-bini tal-Qorti. U biex żgur ma jibqgħux lura, l-ġurnalisti onesti, bilanċjati, kuraġġużi u rispettati mid-dinja kollha tas-Super One illum qed ixandru storja dwar l-iskandlu.

Ma nagħmlux mod li dak huwa Joe Mikallef tan-Net?

Jidhru nkwadrati f’dan ir-ritratt li nġibed ftit minuti ilu huma u jintervistaw lill-attivist eminenti dwar id-drittijiet tal-bniedem Joe Brincat li, għandi nassumi, tahom rakkont dwar is-sinjifikat tal-protesti paċifiċi, dwar it-tifsira simbolika tal-fjuri u tax-xemgħat u dwar il-ħtieġa li d-demokrazija tippermetti u tinkoraġixxi il-ħsieb ħieles u l-libertà tal-kelma. M’għandix dubju li se jkellimhom dwar l-esperjenza tal-waħx li għadda minnu pajjiż demokratiku bl-assassinju ta’ ġurnalista u dwar il-ħtieġa urġenti li tinkixef il-verità kollha dwar il-qtil tagħha u biex iseħħ il-ġustizzja. Naqta’ rasi li se jgħidilhom ukoll li qed jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jiġi assigurat li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma jintesiex sakemm tinkixef il-verità kollha.

Jista’ jkun ukoll li minn dan kollu m’hu se jgħid xejn u jkollna nistennew li jixxandar il-programm tal-lejla fuq is-Super 1 biex inkunu nafu biċ-ċert.