Jekk dalgħodu segwejt is-sessjoni tal-Kunsill tal-Ewropa stajt tilmaħ lil Owen Bonnici mill-ġdid jirreċta l-parti ta’ dak li bil-paċenzja kollha u bi tbissima fuq wiċċu kollha jilqa’ għall-kritika diretta għal fuqu.

‘Aħna gvern riformista,’ qalilha lill-udjenza li kellu quddiemu – udjenza li l-membri tagħha kitbu jew għallinqas qraw ir-rapporti li xxandru wara li saru l-investigazzjonijiet f’Malta li kkonkludew li d-demokrazija tagħna mhux taħdem kif suppost.

Il-gideb niżel bħax-xita.

‘Il-Maġistrat li nieda l-inkjesta Egrant irriżultalu li xi ħadd ried jikkomprometti lill-familja innoċenti tal-Prim Ministru.’ Jaqaw dan ix-“xi ħadd” huwa dak li, minn Ġunju tas-sena l-oħra ‘l hawn meta tlesta r-rapport, arrestajtuh u xlejtuh li wettaq delitt kriminali? Ma nagħmlux mod li kellkom f’moħħkom lil Jacqueline Alexander, l-assistenta-segretarja fid-dipartiment tal-falsifikazzjonijiet fl-uffiċċju ta’ Mossack Fonseca?

‘Introduċejna protezzjonijiet ġodda għall-whistle-blowers u dan ġie rikonoxxut mill-NGO internazzjonali Blueprint.’ Tassew? Din hi l-istess Blueprint li lil Maria Efimova tatha rikonoxximent speċjali bħala whistle-blower wara li intom ikkaċċjajtuha f’diversi pajjiżi u kellhom ikunu l-qrati tal-Greċja li żammewkom li tkaxkruha lejn Malta biex imbagħad kien ikollkom iċ-ċans li teħilsu minnha?

‘Ippubblikajna 5 abbozzi ta’ liġijiet biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni qabel il-waqfa tas-sajf?’ Tassew? Jaqaw qed tirreferi għall-ewwel qari li xandartu li fih biss it-titli tal-abbozzi mingħajr il-kontenut? Dawn huma l-abbozzi li għadna ma qrajniex u li se jissostitwixxu l-liġijiet li ilhom jeżistu żmien twil?

‘Il-Mafkar tal-Assedju l-Kbir kellna nirrestawrawh għaliex dan ittebba’ bil-fjuri u x-xemgħat li tqiegħdu miegħu u domna 3 xhur biex naddafnieh għax il-monumenti tagħna aħna niħduhom bis-serjetà.’ Tassew? Ma konniex nafu li issa l-fjuri u x-xemgħat iħallu warajhom tabgħat suwed taż-żejt filwaqt li tibdil fid-dwal ta’ misraħ jammonta għal restawr.

‘M’aħniex l-uniku pajjiż li għandu liġijiet strambi. Fl-Olanda għandhom liġi li permezz tagħha l-Parlament għandu s-saħħa li jeleġġi mħallef’. Għal jista’ jkun qed tirreferi għal dik il-liġi Olandiża li ilha ma tintuża 50 sena u li bħalissa qed tiġi revokata?

‘Jien waqqaft lil Brian Tonna milli jagħti konsulenzi fil-Ministeru tiegħi fl-2017.’ Il-għala waqqaftu? Jaqaw issuspettajt li kellu x’jaqsam mal-korruzzjoni meta nkixef bħala l-persuna li ħoloq il-kumpanniji fil-Panama għal sħabek? Jekk allura issuspettajt ħażin fih, il-għala bqajt tiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi? Jekk ma ssuspettajt xejn, lil Brian Tonna il-għala keċċejtu u nfurmajt b’dan lil tal-Kunsill tal-Ewropa b’tbissima fuq fommok?

‘Jeħtieġ nimplimentaw it-tibdiliet proposti mill-Kummissjoni ta’ Venezja iżda mhux bi ħsiebna nieqfu milli naħtru mħallfin tal-għażla tagħna qabel inwettqu t-tibdiliet.’ Tassew? Allura x’inhi l-pożizzjoni tiegħek dwar ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja? Taqbel li s-sistema preżenti li permezz tagħha jintgħażlu l-imħallfin tfisser xkiel fuq l-indipendenza tal-ġudikatura? Jekk taqbel, il-għala mhux se twettaq it-tibdiliet biex is-sitwazzjoni ma tkomplix taħżien? U jekk ma taqbilx, il-għala se twettaq it-tibdiliet?

Kull stqarrija li għamel Owen Bonnici kien jeħtieġ li tiġi mgħarbla għax irriżulta li kienet falza, qarrieqa u diżonesta.

Ara f’hiex ġabuha lid-demokrazija tagħna.