Fejn għandu x’jaqsam ix-xogħol tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet bniedma metodika. Bħala ġurnalista investigattiva veterana, kienet taf li fil-qiegħ ta’ kull ħaġa li jkun hemm dell ta’ suspetti fuqha ħafna drabi ssib kallu ta’ ħmieġ jinten. Xi drabi kienet ixxandar l-intuwizzjonijiet tagħha malli kienet tħosshom għax kien jidhrilha li huwa mportanti għall-qarrejja tagħha jsiru jafu bihom mingħajr telf ta’ ħin. Kellha l-ħila li tipprova dak li jkun ħebrilha f’qalbha permezz ta’ provi dokumentati, saħansitra anki jekk dan kien ikun ifisser li kien ikollha tagħmel xhur sħaħ ta’ investigazzjonijiet.
L-avversarji tagħha ma kinux jifilħu għaliha. Meta kienet ixxandar dak li kien jeħbrilha f’qalbha, kienu jwieġbu billi jgħidu li dawn tagħha kienu biss allegazzjonijiet u suppożizzjonijiet. Għaliex kien jafu ben tajjeb li kienet iżolata u kellha riżorsi u setgħat investigattivi limitati (mhux bħas-setgħat li għandu l-Kummissarju tal-Pulizija li tgħidx kemm jinżillu għasel il-laħam tal-fenek), ħarrġu lill-pappagalli tagħhom biex kontinwament jitolbu l-provi fuq kollox u fuq kull ħaġa. Iżda hekk kif intebħu li, minkejja l-limitazzjonijiet li kellha, xorta waħda kien qed jirnexxielha tipprova dak li kien jeħbrilha f’qalbha, raw kif għamlu biex isikktuha darba għal dejjem bl-iktar mod brutali u ġwejjef.
L-assassinju brutali ta’ Caruana Galizia ħalla vojt kbir f’dak li huwa ġurnaliżmu nvestigattiv. Is-supetti ma baqgħux jiġu nvestigati, mgħarbla u pruvati b’mod effettiv. Madankollu, dan ma fissirx li kien sparixxa wkoll il-kallu jinten tal-ħmieġ. Mix-xogħol li kienet twettaq Caruana Galizia fhimt li meta ħaġa ma tagħmilx sens għax ma tkunx minn ewl id-dinja, ħafna drabi dak li nkunu għandna ma ntbaħniex biħ ikun ta’ tifsira akbar minn dak li nkun diġà nafu bih.
L-introduzzjoni tiegħi kelli ntawwalha biex inkun nista’ nfisser aħjar dak li ilu jdejjaqni għal żmien mhux ħażin. Waħda mir-raġunijiet il-għala numru mdaqqas minna mhux bi ħsiebna nivvutaw PN fl-elezzjoni li ġejja hi li lil Adrian Delia bqajna nqisuh bħala ż-Żiemel ta’ Trojja tal-Labour. Is-segwaċi ta’ Adrian Delia jwieġbu għal dan billi jsemmu d-diversi drabi li fihom Adrian Delia tkellem kontra l-korruzzjoni.
Iżda bħalma jaf kulħadd, mhux id-diskors kontra l-korruzzjoni jgħodd. Meta Muscat kien kap tal-oppożizzjoni, hu wkoll tgħidx kemm kien jitkellem kontra l-korruzzjoni. U minkejja dan, meta feġġ l-iskandlu SwissLeaks, Muscat iddefenda lill-ministri Nazzjonalisti. Caruana Galizia kienet spjegat li kien il-gvern ta’ Muscat li lil Ninu Zammit taħ amnestija li permezz tagħha ġie eżentat mill-konsegwenzi legali u ppermettietlu li jagħmel użu mill-flus li kellu moħbijin. Tabilħaqq, bejn dak li jingħad u dak li jseħħ, hemm baħar jaqsam.
F’dawn l-aħħar snin, sar ħafna diskors minn kelliema tal-PN dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri, kemm lokalment kif ukoll f’livell Ewropew. Madankollu, minkejja dak kollu li nkixef dwar 17 Black, il-PN naqas li jieħu l-aktar pass loġiku u ovvju fiċ-ċirkostanzi – jiġifieri li jressaq (jew jappoġġja) vot ta’ sfiduċja f’Mizzi u Schembri.
Bosta huma dawk li jissottovalutaw l-importanza ta’ manuvra politika bħal din. Mozzjoni bħal din hi meħtieġa għaliex:
- Feġġew aktar provi sinjifikanti dwar tixħim. Illum huwa ħafna aktar diffiċli milli kien fl-2016 (meta kienet ressqet l-ewwel mozzjoni Marlene Farrugia) għad-deputati Laburisti li l-iskandli jittimbrawhom bħala allegazzjonijiet.
- Issa li diġà bdew jinħolqu l-fazzjonijiet madwar dawk il-kandidati Laburisti li huma mħajrin jieħdu post Joseph Muscat, mozzjoni bħal din għandha l-potenzjal li tikxef il-qasmiet li jeżistu fost in-nies tal-gvern.
- Hemm uħud mid-deputati Laburisti li qed iserrħu l-kuxjenza tagħhom billi ma jitniffsux jew billi jevitaw li jitkellmu dwar il-kwistjoni iżda li llum ma jaslux li jivvotaw favur Konrad Mizzi. Ftakru fil-mod kif Muscat kien irnexxielu jġib lil Busuttil dahru mal-ħajt f’dak il-famuż dibattitu fuq Xarabank meta stiednu “jagħmel tiegħu” l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia. Din ma tkun xejn ħlief opportunità għall-PN biex iġiegħel lid-deputati tal-Labour “jagħmlu tagħhom” l-iskużi ta’ patetiċi Mizzi.
- Apparti kwistjonijiet ta’ kuxjenza, mill-2016 ‘l hawn deputati tal-Labour setgħu josservaw l-umiljazzjonijiet li għaddew minnhom irjus kbar bħal Toni Abela u Leo Brincat quddiem il-Parlament Ewropew. Dawn id-deputati Laburisti jafu li jekk jagħlqu għajn waħda għat-taħwid ta’ Mizzi, jistgħu jroddu salib għall-prospetti li jista’ jkollhom għal karriera fl-Ewropa.
Dakinhar li l-PN naqas li jappoġġja l-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi li kienu ressqu tal-PD, tant kont ħadtha bi kbira li kellimt lil xi uffiċjali tal-Partit biex nipprova nfiehemhom dwar l-importanza tal-appoġġ għall-mozzjoni. Kulma tawni kienet tweġiba evażiva li għandi nifhem tlestiet minn qabel.
Dawn wieġbu hekk:
- “Tkellimna kontra Konrad Mizzi b’mod konsistenti. Minn naħa l-oħra, Godfrey Farrugia kien ivvota favurih fl-2016.”
Tweġiba bħal din ma tistax ħlief tfisser li l-PN naqas li jappoġġja l-mozzjoni biex jippika mal-PD. Tiskanta tara partit li l-pika partiġġjana hi aktar importanti minn kwistjonijiet ta’ portata nazzjonali.
- “Mozzjoni bħal din ma tista’ qatt tgħaddi għax qegħdin f’minoranza.”
M’għandniex xi ngħidu, iċ-ċansijiet li tgħaddi mozzjoni bħal din huma żgħar ħafna, iżda jibqa’ l-fatt li kull idea li tista’ tippromwovi kull oppożizzjoni ssib ħajt impenetrabbli ma’ wiċċha. Ma jfissirx li, għax tkun tlift f’elezzjoni, għandek tabbanduna lid-demokrazija għall-ħames snin ta’ wara.
In-nuqqas serju tal-PN f’dan ir-rigward ma jfisser xejn ħlief li hu ħati ta’ inġenwinità politika grassa – ħaġa li lili ma tinżilli xejn. Minn wara l-kwinti hemm aktar milli wieħed jista’ jaħseb li hemm. Ninsab ċert li Caruana Galizia, li għal xhur sħaħ kienet tħassbet dwar il-vera raġuni għala fl-2017 Muscat sejjaħ elezzjoni bikrija, ma kinitx tħalli lill-PN igħaddiha lixxa fuq din.