Miktub minn persuna magħrufa minni:
Aktar ma naħseb u nitħasseb, aktar nikkonvinċi ruħi li politikament dan il-pajjiż mar il-baħar.
Mal-medda taż-żmien, il-PNPL jew il-PLPN qed isiru ħaġa waħda fl-arroganza, l-ħmieġ, ir-regħba u l-korruzzjoni tagħhom – minflok jissieltu għall-ġid komuni, aktar moħħom dwar kif ser jimlew il-bwiet tagħhom.
Hemm baħar jaqsam bejn dak li jgħidu u dak li jispiċċaw jagħmlu. Filwaqt li l-PL ilu żmien twil li tilef il-kredibilità tiegħu, l-PN qiegħed dejjem jeghreq ‘l isfel.
L-imġieba ta’ Herman Schiavone u ta’ Kristy Debono hi prova li l-PN taħt Adrian Delia mhux interessat li jħares lil Malta u lill-poplu tagħha mill-korruzzjoni tal-gvern. Minflok, qed jingħaqdu ma’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dawn huma nies li suppost għandhom jispirawna, li suppost għandhom iħarsuna, li suppost għandhom jiddefendu lil kull wieħed u waħda minna. Minflok jagħmlu dan, iddeċidew li jikkakkmaw ma’ Yorgen Fenech, sid is-17 Black, u b’hekk marru lura mill-wegħdi u mid-diskorsi li ilhom jagħmlu kemm ilhom li laħqu fit-tmexxija tal-PN.
Għalija l-bqija tad-deputati parlamentari tal-PN huma bla bajd. Dawn kien misshom tkellmu b’leħen wieħed kontra d-deputati sħabhom u mhux baqgħu ċassi b’ħalqhom magħluq hekk kif kienu qed jaraw lill-partit u d-demokrazija f’Malta jsiru mitt biċċa. Ftit wisq kienu dawk il-politiċi li ħarġu għonqhom biex jirreġistraw l-oġġezzjonijiet tagħhom.
Schiavone u Debono għamlu l-ewwel passi biex il-PN jikkakkma ma’ 17 Black u issa l-poplu m’għandux fuq min iserraħ. Herman Schiavone u Kristy Debono issa jmisshom jirriżenjaw mill-karigi li għandhom. Il-bqija tad-deputati u l-membri tal-amministrazzjoni jeħtieġ li jqumu fuq tagħhom u jsejjħu għar-riżenja ta’ dawn it-tnejn jekk din ir-riżenja jibqgħu ma joffruhiex.
Dan m’huwiex xi attakk mill-istampa jew ta’ xi fazzjoni fuq dawk li huma qrib Delia, kif ipprova jpinġiha Schiavone. Dan huwa pass li huwa meħtieġ f’ġieħ l-onestà u l-korrettezza għax issa dawn it-tnejn ma fadlilhom ebda kredibilità u l-poplu għandu raġun jitħasseb.
Qabel ikun tard wisq għad-demokrazija u għall-PN u qabel naslu għal stadju li fih insiru stat b’partit wieħed, aqbżu ‘l barra biex għal darb’oħra ikun jista’ jinbeda’ proċess ta’ tiġdid.