It-tweet ta’ Jacob Borg hi fattwali u mimlija sarkażmu.

Imma Jacob, taf x’inhi l-verità? Il-verità hi li Adrian Delia għandu raġun. Herman Schiavone, Kristy Debono jew xi ħadd ieħor ma jistgħu jagħmlu ebda ħsara lill-“ġlieda tal-PN kontra l-korruzzjoni”. U dan għaliex m’hemm ebda ġlieda kontra l-korruzzjoni. Din lanqas biss teżisti u ma tistax tagħmel ħsara lil oġġett li ma jeżistix.

Meta kienu xxandru biss ftit paġni mill-inkjesta Egrant, Adrian Delia kien pront u keċċa lill-kelliem tiegħu dwar governanza tajba, Simon Busuttil. M’għandniex xi ngħidu, dak ir-rapport ma kienx xi investigazzjoni dwar Simon Busuttil, iżda Adrian Delia ħass li Simon Busuttil kellu jiġi kastigat għal dak li kien stqarr.

Probabbli fehem li Simon Busuttil kien għamel ġudizzju żbaljat … mhux żgur nafu dwar xiex iżda ċertament Adrian Delia bilfors deherlu li x’imkien kien sar xi żball.

U issa Herman Schiavone u Kristy Debono jmorru jħabbtu l-bieb ta’ Yorgen Fenech u hi f’stqarrija tagħmel apoloġija talli aċċidentalment kellha laqgħa ma’ sid kumpannija li ħolqot l-akbar skandlu li jikkonċerna persuna li m’għandux post fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Debono ħalfet li ma kellhiex intenzjonijiet ħżiena.

Allura, ngħid jien, inċident bħal dan kif iseħħ? Jaqaw tgerbet hi u miexja u sabet ruħħa quddiem l-iskrivanija ta’ Yorgen Fenech 17 il-sular mil-livell tat-triq f’Portomaso?

Il-bieraħ ktibt li ma tistax twaħħal fuq l-istupidaġni għal ħaġa bħal din. Il-veru każ li lanqas temmen li persuna tista’ tkun daqshekk inġenwa biex ma tintebaħx li laqgħa ma’ Yorgen Fenech, apparti li hi moralment inammissibbli, hi bomba politika lesta biex tisplodi.

Għax illum ħarġet bl-apoloġija, Kristy Debono issa tridna naħfrulha u nagħlqu għajnejna. Jaqaw qed tilgħabha tal-baħnana? U Herman Schiavone x’kien li llum ma talabx skuża hu wkoll? Jaqaw qed iwaħħal f’Eva talli pperswadietu jigdem biċċa mill-frotta mdendla mas-siġra li ġġiegħlek tagħraf it-tajjeb mill-ħażin?

L-isbaħ waħda hi li din qed titlobna nagħlqu għajnejna għall-qassata li għamlet għax mingħalija li aħna ta’ subgħajna f’ħalqna.

Kristy Debono, Herman Schiavone u min bgħathom għal laqgħa ma’ Yorgen Fenech jisgħobbihom biss għax inqabdu. Dawn ħasbu li ħadd ma kien ser jikxifhom.

Mingħajr ma noqgħodu nispekulaw dwar x’setgħet kienet ir-raġuni vera tal-laqgħa u anki jekk noqgħodu fuq il-verżjoni uffiċjali li l-iskop kien li jakkwistaw skont għall-kiri ta’ sala tal-konferenza, xorta jibqa’ inaċċettabbli li żewġ deputati parlamentari – it-tnejn li huma jippretendu li nieħduhom bis-serjetà – jitolbu skont minn min hu mċappas.

Lix-xitan tmur titolbu jqabbadlek sigarrett jew dakinhar stess tagħmel għażla tajba u taqta’ t-tipjip?