Għal Joseph Muscat u Owen Bonnici, Repubblika ma teżistix għalkemm nhar it-Tnejn fil-Qorti ser ikollhom iwieġbu għar-rikors li ġie preżentat minnha.
Jippreferu jirreferu għall-avukati tagħha — Jason Azzopardi u Simon Busuttil — hekk kif iwieġbu għall-akkuża ta’ Repubblika li huma qegħdin jiksru l-wegħda tagħhom li jimplimentaw ir-riformi li ntalbu mill-Kummissjoni ta’ Venezja.
Kien hemm min ikkummenta fis-sens li Repubblika stiednet din il-kwalità ta’ reazzjoni meta qabbdet lil żewġ membri parlamentari tal-PN biex jidhru għaliha. Kumment bħal dan tistennieħ għaliex dan il-pajjiż għadu miżgħud b’politiċi li għadhom libsin il-ħarqa u li jehdew fl-inkejja u fit-tgħajjir personali minflok iwieġbu għall-argumenti li jkunu nġiebu.
Repubblika għandha għerf biżżejjed biex l-għażla tal-avukati li jirrappreżentawha ssejjisha fuq dak li tħoss li għandu l-akbar ċans li jwassalha għas-suċċess f’dak kollu li tkun daħlet għalih. Repubblika m’hix bi ħsiebha tiġi kundizzjonata mill-gvern biex tagħmel għażliet inferjuri biex imbagħad tkun tista’ issib il-kenn mid-diskors inkrepattiv u bla sugu ta’ Joseph Muscat.
Id-diskors tal-bieraħ ta’ Joseph Muscat kien wieħed ta’ barra minn hawn. Huwa qal li Simon Busuttil u Jason Azzopardi kellhom l-ardir jippreżentaw rikors b’talba għall-implimentazzjoni adegwata tar-riformi f’dik li hi għażla tal-ġudikanti meta fl-2106 dawn kienu vvutaw favur is-sistema li hemm illum.
B’qerq liema bħalu, pprova jpinġihom bħala persuni inkonsistenti u mħawwdin.
Iżda l-Kummissjoni ta’ Venezja kienet għamlet analiżi netta tas-sitwazzjoni u qalet ċar u tond li r-riformi li seħħew fl-2016 kienu “pass fid-direzzjoni t-tajba”. Nistaqsi: hemm xi raġuni taħt il-kappa tax-xemx għala wieħed m’għandux jivvota favur “pass fid-direzzjoni t-tajba”?
Iżda l-Kummissjoni ta’ Venezja qalet ukoll li minkejja t-teħid ta’ dan il-pass, Malta għad fadlilha ħafna x’taqdef biex twassal il-vapur tagħha fil-port. Fl-2016, kien inħoloq Kumitat biex jilqa’ l-applikazzjonijiet ta’ dawk l-avukati li wrew ix-xewqa li jservu fil-ġudikatura u biex ukoll igħarbel dawn l-applikazzjonijiet. Il-ħolqien ta’ dan il-Kumitat kien novità.
Il-ħolqien ta’ dan il-Kumitat kien pass fid-direzzjoni t-tajba u għalhekk għamel sewwa kull min ivvota favur il-ħolqien tiegħu.
Madankollu jista’ jingħad li l-ħolqien ta’ dan il-Kumitat minnu nnifsu tabilħaqq jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura? Xejn minn dan. Il-Prim Ministru xorta waħda baqa’ bid-dritt li jagħmel il-ħatriet. Il-Kumitat lanqas jista’ jesprimi preferenza għal applikant fuq ieħor li jkun għadda minn għarbiel mill-aktar bażiku. U fl-aħħar mill-aħħar, il-Prim Ministru għandu l-jedd li jinjora l-fehma tal-Kumitat.
Allura fejn hi l-indipendenza?
Issa jekk wieħed jaqra’ d-diskorsi li kienu saru fl-2016 fil-Parlament, wieħed għandu jsib li Jason Azzopardi kien tkellem b’saħħa dwar il-fatt li r-riformi li kienu qed jiġu proposti dak iż-żmien ċertament ma kinux biżżejjed. Huwa kien tkellem favur l-indipendenza tal-ġudikatura f’dik li hi l-għażla ta’ ġudikanti ġodda u sa wasal biex fassal abbozz ta’ liġi huwa stess. M’għandniex xi ngħidu, dan l-abbozz il-gvern injorah.
Kontra qalbu, l-grupp parlamentari ta’ żmien Simon Busuttil kien iddeċieda li jivvota favur it-tibdiliet u kien qal li, għalkemm dawn it-tibdiliet ma kinux ser iwasslu biex jintlaħaq l-għan mixtieq, ried juri ċerta rieda tajba u stqarr li ma kienx hemm raġunijiet validi il-għala ma kellux jappoġġjahom.
Illum jien ngħid li l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien ma kienx messha appoġġjat dawn it-tibdiliet nofs kedda. Kont nirrifjuta li nappoġġja miżura li l-gvern kien pinġiha bħallikieku kienet xi pass favur aktar trasparenza meta fil-fatt il-manipulazzjoni kienet ser tkompli u dan minkejja li kienet se titlibbes il-libsa tal-leġittimità. Ngħid id-dritt, meta jiġri dan, ir-riformi bħal dawk tal-2016 jkunu pass fid-direzzjoni l-ħażina għax jispiċċaw ma jeffettwawx b’mod pożittiv il-ħajja demokratika u jispiċċaw jintużaw bħala pretest biex kollox jibqa’ kif inhu.
Għandna eżempju ħaj tal-mod kif introduċew il-liġi dwar il-whistleblowers biex, waqt li jkomplu jippersegwitaw u jheddu lil persuni bħal Jonathan Ferris u Maria Efimova, jkunu jistgħu jmorru jgħidu li għamlu liġi biex iħarsuhom.
Il-bieraħ hekk għamel Joseph Muscat meta lill-avukati ta’ Repubblika fakkarhom li fl-2016, bħala membri tal-Parlament, kienu vvutaw favur it-tibdiliet. U għamel użu minn dawn it-tibdiliet biex jipprova jiġġustifika l-kontinwazzjoni ta’ sistema li l-Kummissjoni ta’ Venezja tqisha bħala waħda li mhix xierqa f’soċjetà demokratika.
Ma kellhomx għalfejn jiskantaw. Meta jkollok Prim Ministru ta’ pajjiż li jara kif jagħmel biex jikkanċella l-impenji kollha li jkollu u fl-istess waqt jordna l-kanċellament tal-impenji tal-President, tal-Avukat Ġenerali, tal-Ministru tal-Ġustizzja, tal-Aġent Prim Imħallef u ta’ tant oħrajn biex, malajr malajr, ikun jista’ jagħti l-ġurament tal-ħatra lil 6 membri ġodda tal-Ġudikatura biex b’hekk jipprova jaħrab milli jwieġeb rikors preżentat minn NGO, wieħed malajr jintebaħ li s-soċjetà tagħna mhix waħda demokratika.
Din m’hi xejn ħlief tirannija ta’ re liebes il-ħarqa – Pu Yi ċkejken – li jippretendi li dak li huwa jħalli fil-vaż għandna nerfgħuh f’armarju għall-qima tagħna.
Ebda mexxej li jippretendi li huwa wieħed demokratiku m’hu se jażżarda juri d-disprezz tiegħu fil-konfront tas-soċjetà ċivili billi jwieġeb għal talba legali tagħha bżħafna sarkażmu superfiċjali dirett kontra l-avukati tagħha.
Fil-qorti, pantomimi bħal dawn ma jaħdmux, Sur Prim Ministru.