Jekk il-Partit Nazzjonalista, f’attentat biex iħajjar lin-nies toħroġ tivvota, qed iħoss il-ħtieġa li jitkellem dwar “clans ta’ barranin li m’humiex ta’ kwalità li jbeżżgħu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna u li lis-soċjetà qed jagħmluha aktar fqira”, huwa ċar li qiegħed jittama li jiġbed lejh il-voti ta’ dawk li għandhom tendenzi faxxisti, razzisti u bigotti. Din m’hi xejn ħlief tattika li l-għan tagħha huwa li lir-razzisti turihom li hemm min hu razzist aktar minnhom.

Diskors bħal dan jirrifletti distakkament sħiħ minn mar-realtà.

Nikkunsidraw il-frażi li l-bieraħ għamel użu minnha Adrian Delia: “clans ta’ barranin li m’humiex ta’ kwalità li jbeżżgħu lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna u li lis-soċjetà qed jagħmluha aktar fqira,” u nifluha biċċa biċċa. Għal liema  clans qed jirreferi? Clans huma familji komposti minn ħafna membri jew familji li jiġu minn xulxin jew għallinqas grupp ta’ nies li għandu interessi komuni li jesprimihom b’mod kollettiv. Dawk li jgħixu hawn Malta iżda li ma twieldux hawn jiġu mill-irkejjen kollha tad-dinja. Dawn ma jidhirx li qatt ikkunsudraw lilhom infushom bħala membri ta’ ġgajta li tinjora d-differenza interni iżda li tiddistingwi lilha nnifisha mill-“oħrajn” (jiġifieri dawk imwildin hawn).

Kuntrarjament għal dak li stqarr Adrian Delia fid-diskors tiegħu, jekk kien hawn grupp ta’ nies fil-pajjiż li l-mexxejja tiegħu li ġabu ruħħom bħallikieku kienu qed imexxu tribù esklussiv u ostili, dawn m’huma ħadd ħlief il-poplu mwieled hawn. Jekk hawn xi clan, dan ċertament huwa ffurmat minn persuni mwildin Malta. M’għandniex xi ngħidu, fil-frażi li uża hemm element ta’ bigottiżmu: “għalija ċ-Ċiniżi, s-Suwed u l-Għarab huma kolla wiċċ wieħed.” Il-bigotta x’aktarx se jirraġuna li jekk persuna għandha ġilda sewda, din allura tinsab f’konfoffa ma’ kull min għandu karnaġjon iswed. ‘Dawn kollha jaħsbu bl-istess mod’. Qed jisirqulna xogħolna u jistupraw lin-nisa tagħna. U qed ibeżżgħu lit-tfal tagħna.

Delia semma wkoll il-“barranin mhux ta’ kwalità”. Il-kwalità kif titkejjel? M’għandniex xi ngħidu, l-implikazzjoni hi waħda ċara. Adrian Delia jidhirlu li dawk il-persuni li jixtru jew jikru appartamenti lussużi, jtiru bl-ajruplan privat tagħhom u li jqabbdu avukati u accountants biex igħinuhom jaħbu flushom huma persuni ta’ “kwalità għolja”. Iżda dawk il-persuni li jaħdmu lejn u nhar biex jaqilgħu ħobżhom, li jitilqu lill-familji tagħhom biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom – anki jekk fil-proċess jiġu sfruttati u ttrattati qishom ilsiera – u jibgħatu lill-familji dik ix-xi ħaġa biex jitimgħu lill-uliedhom u forsi wkoll jedukawhom: dawn huma ta’ “kwalità baxxa”.

Il-Partit Nazzjonalista issa b’dan il-mod qed ikejjel il-kwalità tal-bnedmin? Għal snin sħaħ, il-PN tkellem dwar “Solidarjetà, dejjem. Kullimkien”, dwar “Biex ħadd ma jibqa’ lura” u dwar “Politika għall-Bniedem Sħiħ”. Issa bdejna nitkellmu dwar persuni ta’ kwalità għolja u persuni ta’ kwalità baxxa.

Madankollu l-isbaħ waħda kienet meta stqarr li l-barranin qed “ibeżżgħu lit-tfal”. It-tfal għaliex għandhom ikunu mbeżżgħin mill-barranin? Lit-tfal x’messaġġ qiegħed twasslilhom? Se toqgħod tbeżżagħhom li l-babaw l-iswed se jiġi biex jaħtafhom minn idejn il-ġenituri tagħhom? Taf b’xi esperjenza bħal din? Taf b’xi każ fejn xi ħadd “mill-clan ta’ barranin mhux ta’ kwalità” wettaq xi ħaġa li tiġġustifika l-biża’ kollettiva minn xi ħadd f’dak il-“clan”? Ma nippretendix li lil Adrian Delia għandi noqgħod nagħtih il-pariri dwar kif għandna nassiguraw li t-tfal ma jiġux imbeżżgħin. Ma nagħmlux mod li qiegħed igħid li t-tfal m’għandhom jafdaw lil ħadd ħlief lil dawk il-persuni li għandhom karnaġjon abjad? Kemm huwa ċert li dan il-parir huwa wieħed li jħares is-sigurtà tat-tfal? Ma nagħmlux mod li lil uliedu qed iħarriġhom biex jiddistingwu bejn barranin ta’ kwalità għolja u dawk ta’ kwalità baxxa? Jaqaw lill-membri tal-clans ta’ barranin li qed jibgħatu flus lejn Manila jew Kampala biex jitimgħu lil uliedhom iridu igħadduhom minn għarbiel biex jaraw jekk dawn humiex jevadu t-taxxi?

Tal-aħħar: skont Adrian Delia,  dawn “il-clans ta’ barranin li m’humiex ta’ kwalità li jbeżżgħu lit-tfal” qed ifaqqru lis-soċjetà. Sa ċertu punt, hawn għandu raġun. Mingħajr ma nafu, l-barranin li qed igħixu fostna nibtu fina l-agħar sentimenti  — sentimenti ta’ bigottiżmu sfrenat  — u dan is-sentiment ħtarnieh bħala l-mexxej tal-Partit Nazzjonalista.