Tajjeb jew ħażin, tal-PN ġabu lilhom infushom f’konfront dirett mal-istampa indipendenti. Il-ftit kittieba li fadal li jappoġġjawhom, jew jaħdmu magħhom jew inkella jaħdmu għal tal-Labour ma’ min għandhom diversi interessi komuni. Meta jitkellem għalik Saviour Balzan, kun ċert li ma jkunx fadallek ħafna żmien tixref fil-wiċċ.

Meta tat-Times of Malta jiktbu editorjal b’titlu li jqiegħdek mal-avversarji, tintebaħ – jew għallinqas għandek tintebaħ – li tkun wasalt fit-tarf.

Tifhmunix ħażin. B’dan ma rridx infisser li l-istampa indipendenti ma tista’ tiżgarra qatt. Jew li tat-Times of Malta ma wrewx dgħjufija fl-imgħoddi. Ħadd u xejn m’hu perfett. Ħadd u xejn m’hu eżenti mill-iżbalji, mill-partiġġjaniżmu eżaġerat, mill-influwenza u mill-pressjoni. L-istampa indipendenti kollha kemm hi jkollha tiffaċċja battalji ħarxa. M’hemmx dubju li hija effettiva x-xilja tal-klassi politika fis-sens li l-istampa ma tistax tiġi fdata, li xxerred il-‘fake news’, li hi mmexxija mis-sħaħar u mit-tradituri u li sservi l-interessi tal-partit “tan-naħa l-oħra” meta toħroġ bi kritika.

Il-pressjoni fuq l-istampa tradizzjonalment dejjem ġiet minn naħa tal-Labour – dawn minn dejjem kienu l-partit li jmexxi politika kontradittorja, illoġika u oskurantista. Iżda issa tal-PN sabu ruħħom – jew, biex inkun aktar preċiż, qiegħdu lilhom infushom – f’konfrontazzjoni stil Trump mal-istampa indipendenti u sabu l-wens fil-politika ta’ Joseph Muscat li tissielet b’ruħħa u ġisimha kontra l-aspirazzjonijiet loġiċi tal-kelma ħielsa, tas-saltna tad-dritt u tal-impenn konsistenti favur politika mnaddfa mill-korruzzjoni.

F’dawn l-aħħar xhur, jidher ċar li tal-PN sabu ruħħom darhom mal-ħajt u nħakmu mill-paniku. Mill-attakki partiġġjani kontra l-avversarji politiċi li s-soltu naqraw fuq il-faċċata ta’ quddiem ta’ Il-Mument nhar ta’ Ħadd filgħodu, issa għaddew biex jintimidaw kontra dawk li jażżardaw jaqbżu linja li tal-PN – fil-għerf kollu tagħhom – jidhrilhom m’għandhiex tinqabeż. Lill-attivisti li qed iniedu kampanja favur it-twettiq tal-ġustizzja għal ġurnalista assassinata, xlewhom li huma favur il-qtil tat-trabi u kkollaboraw mal-azzjonijiet li ħa l-gvern kontra l-attivisti u dan wara li feġġew akkużi li dawn immiżappropjaw xi flejjes.

Il-bieraħ tal-PN fetħu l-kanuni kontra t-Times of Malta minħabba l-fatt li din xandret storja li għamlitilhom il-ħsara dwar laqgħat li Herman Schiavone u Kristy Debono kellhom ma’ Yorgen Fenech. U llum l-editorjal tat-Times of Malta għamilhielhom ċara li dan attakk jikkunsidrawh bħala dikjarazzjoni ta’ gwerra. Jien diġà kelli l-okkażjoni li nesprimi ruħi f’dan il-blogg dwar l-istorja li fiha għandu x’jaqsam Yorgen Fenech. Kien fl-interess pubbliku li l-poplu jsir jaf dwar il-laqgħa li seħħet f’Portomaso, u dan mhux għax din l-istorja dgħajjfet qatigħ il-pożizzjoni ta’ Adrian Delia fil-PN. Kien fl-interess pubbliku għaliex din l-istorja kixfet in-nuqqas ta’ komprensjoni ta’ kwistjonijiet rilevanti, il-vulnerabilità puwerili għall-manipulazzjoni minn naħa ta’ dawk li għandhom is-setgħa u l-flus, id-dilettantiżmu, l-inkoerenza f’dak li hu twassil ta’ messaġġi politiċi, il-problemi finanzjarji li qed ikissruhom, it-tmexxija dgħajjfa u l-insensittività grassa għal dak li x’aktarx qed iħoss il-poplu dwar il-ħakk kontinwu tal-PN ma’ dawk li għallinqas kellhom interess kbir li jeqirdu lil Daphne Caruana Galizia.

Ejjew għal mument inħallu fil-ġenb il-fehmiet tiegħi dwar l-inċident li wassal għall-attakk tal-PN fuq it-Times of Malta. Ejjew ukoll nassumu li din id-darba tat-Times of Malta f’dak li kitbu ma kinux ġusti mal-PN. Għarblu ftit il-mod kif tal-PN, li skonthom kellhom raġun biex ibiegħu, ffaċċjaw is-sitwazzjoni. Wieħed ma jistax ma jasalx għall-konklużjoni li dawn iffaċċjaw is-sitwazzjoni b’mod diżastruż u fil-proċess tefgħu l-ġebla għal fuq saqajhom. Inkun l-ewwel wieħed li nammetti li l-iżbalji jsiru minn kulħadd fejn jidħlu r-relazzjonijiet mal-istampa: il-gvernijiet, il-partiti u kull min għandu s-setgħa f’xi żmien jew ieħor ilkoll jisgħobbiehom dwar il-mod kif ikunu ġabu ruħħom mal-istampa. Iżda l-gvernijiet, il-partiti u s-setgħana li jkollhom il-polz tagħhom fuq ir-realtà jifhmu li l-istampa ma tintemmx bħalma jistgħu jintemmu huma. Anki jekk tal-PN saħansitra tilfu kull rispett li seta’ kellhom għall-ġurnalisti ndipendenti, imisshom għandhom biżżejjed għerf biex jintebħu li bi tnedija ta’ gwerra kontra t-Times of Malta jkunu qed issammru musmar ieħor fuq it-tebut tagħhom stess.

Il-partiti politiċi jidher li fehmu li s-suddizzjoni li kienet teżisti għall-istampa m’għandhiex daqshekk neċessarja daqs kemm kienet fl-imgħoddi u dan għaliex illum huma s-sidien tal-mezzi tax-xandir tagħhom u, fi kwalunkwe każ, il-media soċjali ppermettielhom li jagħmlu tajjeb għall-influwenza tal-istampa. Huwa minnu li t-tixrid tal-informazzjoni m’għadhiex biss f’idejn il-ġurnalisti. Iżda f’kuntest demokratiku, dawk il-partiti politiċi li din is-sitwazzjoni ġdida jisfruttawha biex iwarrbu lill-ġurnalisti kritiċi (jew – agħar min hekk – iniedu kampanji biex jiskreditawhom, ifalluhom finanzjarjament jew jeqirduhom) qegħdin jiffavorixxu l-awtokrazija a skapitu tad-demokrazija. B’danakollu għaliex għandhom is-setgħa li jgħaddu bir-romblu minn fuq kulħadd, ma jfissirx li jkun sewwa jekk jagħmlu dan u fi ħdan tal-PN jidher li qed tinbet din il-mentalità. Issa nħakmu mill-arroganza u mill-indifferenza demokratika għall-fehmiet minoritarji tant li bħal donnu jiġu jaqgħu jqumu kif jiġu perċepiti minn-ġurnal bħalma hu Times of Malta.

Mhux in-numri biss igħoddu fil-ħajja demokratika. Tal-PN bħal donnu r-reazzjonijiet irrabjati u emozzjonali tal-massa jagħtuhom aktar valur mir-riflessjonijiet u ħsibijiet loġiċi u mimlija għerf tal-ftit. U meta jseħħ dan, id-demokrazija tingħata d-daqqa tal-mewt. Fil-gwerra li tal-PN kontra l-istampa ħielsa, huma qed jabbandunaw il-kamp tal-battalja demokratika u, mingħajr ma jafu, qed isibu ruħħom f’alleanza ma’ Joseph Muscat.