Il-“grupp ta’ stati kontra l-korruzzjoni” tal-Kunsill tal-Ewropa (Greco) tkellem ċar u tond. “Fuq il-karta Malta għandha għadd ta’ impressjonanti ta’ istituzzjonijiet pubbliċi li jibbilanċjaw u jgħassu lil xulxin” u li jħarsu kontra l-korruzzjoni minn ministri u uffiċjali governattivi anzjani. IŻDA: “hemm tħassib dwar l-effettività tagħhom minħabba l-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, l-pajjiż ġie ffaċċjat b’numru ta’ kontroversji rigward l-integrità ta’ uffiċjali anjzani tal-gvern sal-ogħla livell”.
“Jeżistu dubji serji dwar il-ħila tas-sistema tal-ġustizzja kriminali Maltija u tal-mekkaniżmi preventivi li jsibu tarf ta’ allegazzjonijiet dwar korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin”. Dan kollu l-awturi tar-rapport Greco daħħluh fl-ewwel paragrafu tar-rapport tagħhom b’risposta għal dak li qal il-gvern – b’qerq – fis-sens li l-kritika saret dwar liġijiet li huwa kien wiret mill-gvernijiet ta’ qabel. Ir-rapport Greco jagħmilha ċara li t-tħassib tiegħu mhuwiex dwar il-kwalità tal-liġijiet Maltin li, “fuq il-karta”, jidhru “impressjonanti” iżda dwar kif dawn tħaddmu kemm tal-Labour ilhom li ħadu l-poter hekk kif feġġew l-iskandli.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici wiegħed li bi ħsiebu jxandar ir-rapport minkejja l-fatt li dan id-dokument issa ilu f’idejh għal diversi ġranet. Ir-rapport Greco jsemmi “diversi eżempji ta’ nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tas-sistema tal-ġustizzja Maltija hekk kif il-Pulizija, l-Prosekuzzjoni u l-Maġistrat Inkwirenti twasslulhom ħjiel, informazzjoni u talbiet. F’pajjiżi oħra mill-grupp Greco, waħda – jew aktar minn waħda – minn dawn l-entitajiet tkun tista’ taġixxi ex officio. Iżda f’Malta, il-Pulizija żammet lura milli tinvestiga każijiet bl-iskuża li ma ngħatatx “provi konkreti”, anki meta kien ġie stabilit li kienu nħolqu entitajiet f’ċirkostanzi suspettużi”.
Ir-rapport isemmi wkoll il-każijiet ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi u jirreferi għal diversi aħbarijiet online kompriża l-istorja mxandra f’din il-website f’Diċembru 2018 bit-titlu: ‘Meta Lawrence Cutajar ħasibha jirriżenjax. U meta kien reġa’ bdielu’. Ir-rapport Greco jsemmi lil din l-istorja li fiha lil Lawrence Cutajar jien sejjaħtlu “mhux biss buffu u pupazz, iżda wkoll qaddej fidil, wieħed mit-tentakli tal-qarnita li tinsab iggranfata ma’ dan il-pajjiż” fil-kuntest tan-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija kull meta dan sar jaf bi provi u b’evidenza dwar korruzzjoni.
Ir-rapport Greco ma jsemmix biss in-nuqqasijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija. “Xi drabi jsibu ruħħom f’pożizzjoni simili l-maġistrati inkwirenti u l-qrati u dan iwassal għall-inkonsistenzi,” u saret riferenza speċifika and għall-“hekk imsejjħa inkjesta Egrant”.
Ir-rapport Greco hu mistenni li jixxandar għada.